Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni toġġezzjona għal diversi klawsoli li tgħattew mill-Gvern fil-kuntratt dwar il-bejgħ tal-passaport Malti

M’hemm ebda bżonn ta’ interview għal min japplika għal passaport Malti

L-Oppożizzjoni oġġezzjonat għall-mod kif il-Gvern għatta diversi klawsoli fil-kuntratt li ffirma mal-kumpanija li qed tbigħ il-passaport Malti, Henley & Partners.

L-oġġezzjoni saret fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li beda jiskrutinja l-kuntratt li l-Gvern iffirma u li qed jorbot lill-pajjiżna bil-mod kif qed isir il-bejgħ tal-passaport Malti.

L-Oppożizzjoni kienet ilha titlob lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ma’ Henley & Partners minn meta daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ bejgħ tal-passaport Malti, kmieni s-sena li għaddiet.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li ddikjara li mexxa t-taħditiet mal-Kummissjoni Ewropea fejn kien akkumpanjat minn rappreżentanti ta’ Henley & Partners, iddefenda l-mod kif il-Gvern għatta ċertu klawsoli u qal li l-klawsoli mgħottija huma kummerċjalment sensittivi, u li kieku jkunu ppubblikati jpoġġu lil pajjiżna fi żvantġġ ma’ pajjiżi kompetituri oħrajn li qed jimplimentaw skemi simili.

Il-Ministru Bonnici kien involut ukoll fit-tfassil tal-proposta leġiżlattiva u fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ bejgħ tal-passaport Malti. Minkejja dan il-kunflitt ta’ interess fil-proċess tal-l-iskrutinju tal-kuntratt iffirmat mill-Gvern ma’ Henley & Partners, il-Ministru Bonnici baqa’ jinsisti li għandu jkun preżenti fix-xogħol ta’ skrutinju ta’ dan il-kuntratt.

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, li kien qed jippresiedi l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, sostna li l-Oppożizzjoni mhix se toġġezzjona li l-Ministru Bonnici jibqa’ membru tal-Kumitat li qiegħed jiskrutinja kuntratt li fih kien involut hu stess, iżda sostna li l-Ministru jista’ jiġi msejjaħ biex jixhed quddiem dan il-Kumitat.

Iċ-Chairman tal-Kumtat Parlamentari spjega wkoll li x-xogħol tal-Kumitat se jkun li jiskrutinja d-deċiżjonijiet li ttieħdu u li wasslu għall-kuntratt iffirmat, u dwar jekk il-proċeduri li ħaddem il-Gvern jirriflettux politika ta’ good governance jew le.

Tonio Fenech qabel mad-Deputat Laburista Charles Mangion li xogħol il-Kumitat hu li janalizza ċertu aspetti tal-kuntratt iffirmat u mhux li jirrepeti d-diskussjoni li saret fil-Parlament dwar l-Individual Invetsment Programme.

Insista wkoll li filwaqt li jifhem li jkun hemm ċertu klawsoli li huma sensittivi u li ma jkunux pubbliċi, fisser li se jirriserva d-dritt li jagħmel mistoqsijiet dwar dawn il-klawsoli, u jitlob ukoll ruling mill-Ispeaker jekk ma jkunx hemm qbil fil-Kumitat.

Jirriżulta wkoll li l-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u Henley & Partners ma jitlobx b’mod mandatorju li jkun hemm interview mal-kandidati li japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija u għall-passaport Malti. Intervista ma’ applikant tista’ tiġi kunsidrata mill-Gvern fuq rakkomandazzjoni tal-kumpanija li qed tmexxi l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.

Il-kuntratt li qed jiġi ffirmat ma’ min jakkwista l-passaport Malti, hu validu għal għaxar snin.