Lokali Parlament

Lecturer fl-ITS f’Għawdex għal seba’ studenti

Fl-Istitut għat-Turiżmu f’Għawdex (ITS) hemm biss seba’ studenti u full-time lecturer li hu Kunsillier Laburista fil-Qala. L-istudenti qed isegwu kors ta’ diploma fil-preparazzjoni tal-ikel.

Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li kien qed iwieġeb fil-Parlament għal mistoqsijiet tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Antoine Borg, li staqsa wkoll jekk hux minnu li l-lecturer u Kunsillier Laburista Jesmond Borg, jagħti biss żewġ lectures fil-ġimgħa lil seba’ studenti.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li x-xogħol li qed iwettaq il-bniedem responsabbli mill-ITS f’Għawdex, hu importanti u li jinżel ukoll Malta meta ma jkunx hemm xogħol.

Il-Ministru spjega wkoll li l-ITS f’Għawdex hi sfida għaliex hemm ħafna studenti li qed jagħżlu li jiġu Malta jistudjaw, u qed isir impenn biex l-istudenti jinżammu wkoll f’Għawdex.

Filwaqt li qal li n-numru ta’ studenti fl-ITS baqa’ stabbli, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li dan mhux konfort u rridu nagħmlu aktar.