Nutar ta’ 62 sena wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Carol Peralta li wettaq miżappropjazzjoni ta’ ‘l fuq minn €4,000 fi flus ta’ klijenti tiegħu li suppost kellhom jiġu użati biex tiġi reġistrata dar permezz ta’ donazzjoni. Philip Said mis-Siġġiewi, skont l-akkużi qed jiġi mixli li huwa għamel użu minn dawn il-flus biex ikopri spejjeż oħrajn.
In-nutar qed jiġi mixli minbarra b’miżappropjazzjoni, li naqas milli jaqdi dmiru skont il-professjoni tiegħu u li wettaq reat li kellu d-dmir li jwaqqaf. L-Ispettur Ian Abdilla qal fil-Qorti li huwa beda jinvestiga rapport li kien sar minn ċertu Antoine Bonello kontra l-istess Nutar, u dan fis-17 ta’ Marzu li għadda. Fil-Qorti ħareġ kif Joseph u Innocenza Bonello kienu marru għand in-Nutar Said, fil-21 ta’ Diċembru, 2013, biex jagħmlu kuntratt fuq dar li tinsab fis-Siġġiewi, u dan biex ikopri donazzjoni tagħha lil binhom, Antoine.
Il-kuntratt sar fid-29 ta’ Diċembru u Antoine Bonello ħarġ ċekk f’isem il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, li l-ammont tiegħu kien ta’ €3,262, u dan biex ikopri il-“capital gains tax”. Huwa ħareġ ukoll ċekk ieħor ta’ €630 biex ikopri l-ispejjeż tan-nutar u ċekk ieħor separat ta’ €113.52 biex ikopri t-taxxa tal-VAT fuq li spejjeż tan-Nutar. L-aħħar żewġ ċekkijiet kienu tħallew vojta fuq struzzjonijiet tan-Nutar Said, qal li Spettur Abdilla.
Meta Bonello raha li huwa qatt ma kien irċieva riċevuta mingħand id-Dipartiment tat-Taxxa, huwa mar id-dipartiment bix jivverifika fuq iċ-ċekk u fuq il-kuntratt, imma tat-taxxa qalulu li ma kellu xejn reġistrat.
Bonello minn naħa tiegħu qal lill-Ispettur Abdilla, li kemm il-darba pprova jaqbad lin-Nutar Said, iżda mingħajr suċċess, u għalhekk ma kellu ebda għażla oħra ħlief li jirraporta l-każ lill-Pulizija.
L-Ispettur Abdilla qal li meta huwa arresta lin-Nutar Said, dan ammetta li l-kuntrat qatt ma kien reġistrat u dan “bi żvista” u li ċ-ċekk maħruf fuq il-Kummissarju tat-Taxxi Interni kien użat biex ikopri taxxa relatata ma’ kuntratt ieħor.
In-Nutar Said qal lill-Pulizija, li kellu problemi finanzjarji u li kellu bżonn ftit tal-ġimgħat oħra biex isolvi l-problemi li kellu mal-familja Bonello. Ħareġ ukoll li ż-żewġ ċekkijiet vojta li nħarġu kien imsarraf mill-kollega ta’ Said, in-Nutar Peter Carbonaro. Dan qal fil-Qorti li kien l-akkużat li qallu biex isarraf ċ-ċekkijiet tiegħu minħabba li kien għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni, u li martu kienet attenta ħafna fuq id-dħul finanzjarju tiegħu.
L-Ispettur Abdilla qal li l-Pulizija rċeviet ilmenti oħra kontra n-Nutar Said u li dan għandu kawżi kriminali oħra li għadhom pendenti kontrih. Rappreżentant mid-Dipartiment tat-Taxxi Internio qal fil-Qorti, li ċ-ċekk inkwistjoni kien użat għal ħlas parzjali fuq kuntratt ta’ bejgħ li għamlu koppja bil-kunjom Tanti.
L-Ispettur Abdilla qal li skont l-informazzjoni li għandu, li kopra d-donazzjoni tad-dar, għadu lanqas biss ġie reġistrat. Il-każ ikompli x-xahar id-dieħel. L-Avukat Malcolm Mifsud deher għan-Nutar Philip Said.
//= $special ?>