Lokali

Rispett xieraq lill-ħaddiema tal-Enemalta u l-pazjenti fl-Isptar Mater Dei

F’laqgħa li kellhom aktar kmieni llum ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u x-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg ma’ uffiċjali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, l-Oppożizzjoni insistiet li se tibqa’ taħdem biex kemm il-ħaddiema tal-Enemalta kif ukoll il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei jingħataw rispett.

Therese Comodini Cachia tkellmet dwar l-inċertezza li għaddejjin minnha l-ħaddiema tal-Enemalta u nsistiet li dawn jixirqilhom aktar rispett. Hi appellat lill-UHM biex tiddefendi l-ħaddiema kollha, b’mod speċjali dawk li huma mħarrġin u mhux qed isirilhom ġieh mat-taħriġ u l-esperjenza li għandhom.

Therese Comodini Cachia qalet li aktar ħaddiema komplew jagħmlu kuntatt mal-Oppożizzjoni biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni inċerta fl-Enemalta.

Minn naħa tagħha, Claudette Buttigieg qalet li d-dinjità tal-pazjent trid tiġi rispettata fl-immaniġjar tas-settur tas-saħħa. Hi sostniet li l-interess ġenwin għandu jkun fuq il-pazjent.

Ix-Shadow Minister tas-Saħħa fakkret li dak li qed jiġri fl-Isptar Mater Dei huwa serju, u appellat biex l-ideat li jiġu diskussi jkunu aktar ibbażati f’viżjoni fit-tul u mhux short-term.