Mara ingidmet f’idha minn skorpjun waqt li kienet qed tipprepara biex issiefer minn Los Angeles lejn Portland.
L-iskorpjun l-ewwel niżel fuq spallet persuna li min-naħa tagħha xejritha direttament għal fuq il-mara. Għalkemm l-iskorpjun tneħħa mill-ewwel minn fuqha, ix-xewka tiegħu baqgħet imwaħħla f’idha.
Kelliem għal Alaska Airlines qal li l-ajruplan kien diġà fuq ir-runway is-Sibt filgħaxija meta l-passiġġier ingidmet. L-ajruplan kellu jdur lura lejn il-gate biex il-mara ttieħdet b’ambulanza u ġiet iċċekkjata mit-tobba, għalkemm imbagħad irrifjutat iktar kura u ma reġgħetx telgħet fuq l-ajruplan.
It-titjira spiċċat telqet siegħa tard wara li membri tal-ekwipaġġ qatlu lill-iskorpjun u ċċekkjaw il-partijiet tal-ajruplan fejn jitqiegħdu l-basktijiet, biex jaraw jekk kienx hemm iktar insetti mhux mixtieqa.
Mhux magħruf kif dan l-iskorpjun spiċċa fuq din it-titjira, għalkemm oriġinarjament l-ajruplan kien wasal fl-Istati Uniti mill-Messiku. Lanqas hu magħruf l-ispeċi tal-iskorpjun.
Hu stmat li madwar 30 mill-1,500 tip ta’ skorpjun li jeżistu fid-dinja, għandhom ix-xewka tagħhom li tista’ tikkaġuna konsegwenzi mhux mixtieqa. Waqt li għall-kbar dan jista’ ma jkunx fatali, inċidenti fuq it-tfal jistgħu jkunu ta’ periklu.
Fuq it-titjira mal-mara kien hemm ukoll membri tat-tim tal-irġiel tal-basketball ta’ Oregon State University, u t-tim tan-nisa tal-basketball ta’ University of Portland.
//= $special ?>