Internazzjonali

100,000 mill-Korea ta’ Fuq mibgħuta barra l-pajjiż bħala skjavi

Madwar 100,000 ċittadin fqir tal-Korea ta’ Fuq hu stmat li ntbagħat barra l-pajjiż bħala “skjavi sponsorizzati mill-istat” li l-pagi tagħhom imbagħad jiġu kkonfiskati u użati biex bihom jinxtraw oġġetti lussużi għar-reġim.

NK Watch, li jaħdem fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea t’Isfel, qal li din il-prattiċi, li ilha tintuża mis-snin Tmenin, għenet biex għamlet lir-reġim tal-Korea ta’ Fuq iktar sinjur. Skont il-grupp, il-prattiċi żdiedet b’mod mgħaġġel taħt Kim Jong-un, li ħa l-poter fil-Korea ta’ Fuq wara l-mewt ta’ missieru fl-2011 u li sal-2012 kien maħsub li kien hemm madwar 65,000 Koreani ta’ Fuq jaħdmu madwar id-dinja, ħafna drabi f’kundizzjonijiet imwegħra.

NK Watch qal li Pyongyang kien qed jisfrutta lill-ħaddiema biex flushom imorru fil-kaxxa ta’ Kim Jong-un, inkluż l-isplużjoni fi proġetti ta’ propjetà li beda jibni fil-kapitali biex juri kemm hu b’saħħtu meta s-sanzjonijiet kontra pajjiżu żdiedu u allura suppost naqas id-dħul.

Ħaddiem mill-Korea ta’ Fuq fir-Russja qal li qatt ma ngħata kuntratt u kienu jgħidulhom li kien se jkollhom assikurazzjoni tas-saħħa u aċċess għal heating imma qatt ma ngħatawlhom. Qal li l-paga tagħhom hi biss ta’ 300 ruble, jew €4.27, imma jeħduhomlhom kollha.

Skont NK Watch, ir-Russja hi l-iktar pajjiż li għandha ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq b’din is-sistema. Jistaw li hemm bejn 20,000 u 25,000 fir-Russja biss waqt li hemm madwar 15,000 oħra fil-Lvant Nofsani u daqshekk ieħor fix-Xlokk tal-Asja. Magħhom jistmaw li hemm 8,000 oħra fiċ-Ċina u daqshekk ieħor fl-Afrika.

Pajjiżi bħall-Qatar u l-Malasja ġew ikkritikati li qed jisfruttaw ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq fil-bini ta’ proġetti infrastrutturali fejn jidher li l-ħaddiema mhux qed jitħallsu. Ħaddiem fil-Kuwajt spjega li l-ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq jiġu magħluqa għalihom biex ma jiltaqgħu ma’ ħadd ieħor.