Lokali

Appell biex il-Gvern jisma’ mill-istakeholders fil-qasam tal-propjeta’

Fil-Baġit għal din is-sena, il-Gvern neħħa l-għażla ta’ tassazzjoni fuq il-bejgħ ta’ propjeta’.

Fejn qabel il-bejjiegħ seta’ jagħżel jekk iħallasx final withholding tax ta’ 12% fuq il-prezz sħiħ tal-propjeta’ jew taxxa sa massimu ta’ 35% fuq il-qliegħ mill-bejgħ, il-Gvern niżżel il-withholding tax għal 10% jew 8% u neħħa l-possibilta’ li l-bejjiegħ jagħżel li jħallas taxxa fuq il-qliegħ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco qal li dan ħoloq żvantaġġ f’numru ta’ sitwazzjonijiet. Hu qal li organizzazzjonijiet involuti direttament fil-qasam tal-propjeta’ fosthom il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjeta’, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kunsill Notarili esprimew it-tħassib dwar dan it-tibdil għal diversi raġunijiet.
Fost oħrajn fil-każ fejn propjeta tinbiegħ fi ftit qliegħ jew b’saħansitra b’telf. Bit-tneħħija ta’ din l-għażla, il-Gvern daħħal prinċipju li jista’ jintaxxa telf.

Mario de Marco kompla li s-sistema ta’ tassazzjoni kif inhi, qed tkun ta’ diżinċentiv għall-barranin. Dan għaliex filwaqt li t-taxxa fuq il-qliegħ hi inkluża fil-ftehim ta’ ħelsien ta’ tassazzjoni doppja, il-final withholding tax le. Dan ifisser li barrani ikollu iħallas il-witholding tax f’Malta u taxxa fuq il-qliegħ f’pajjiżu.

Problema oħra li tqajjmet mill-Korpi Kostitwiti hi li din is-sistema tmur kontra l-good governance. Dan għaliex bit-tneħħija tat-taxxa tal-qliegħ, tneħħa l-inċentiv biex jinġabru irċevuti għax-xogħolijiet li jkunu saru fil-propjeta’.

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech qal li din il-bidla affetwat fost oħrajn koppji li jkunu xtraw propjeta’ flimkien u jkunu ħassru. Dawn ġeneralment ikunu jridu jbiegħu il-propjeta’ malajr minħabba imghaxijiet tal-bank jew ċirkostanzi oħra u ghaldaqstant ikollhom prezz baxx.

Problema ohra ta’ din is-sistema hi li tinħoloq inflazzjoni artifiċjali għax il-bejjiegħ jispiċċa jgħolli l-prezz biex jagħmel tajjeb għat-taxxa li se jkollu jħallas, irrispettivament jekk ikollux qliegħ jew le.

Claudio Grech kompla li l-intrapriżi wkoll huma affetwati. Dan għaliex il-witholding tax trid titħallas, anki meta jkun hemm it-telf. Xi ħaġa li hi normali fi proġetti kapitali kbar fejn l-investiment inizzjali ikun iktar mid-dħul mill-bejgħ.

Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li tqajjmu mill-organizzazzjonijiet differenti li huma involuti direttament fis-suq. Il-kelliema appellaw lill-Gvern biex jekk ma jridx jisma’ mill-Oppożizzjoni, almenu jisma’ mill-istakeholders.