Tfajla ta’ 25 sena ġiet arrestata fl-ajruport ta’ Heathrow f’Londra, hekk kif daħlet fil-pajjiż mit-Turkija. Hi suspettata li kienet fis-Sirja u għalhekk li għandha x’taqsam mat-terroriżmu.
It-tfajla kellha magħha tarbija ta’ madwar sena u qed tiġi akkużata bi ħtif u trattament ħażin ta’ minuri. Il-Pulizija Ingliża kienet ilha ssegwi lit-tfajla fiċ-ċaqlieq tagħha minn pajjiż għall-ieħor u mblukkawha hekk kif niżlet l-art mill-ajruplan li kien għadu jasal f’Londra mit-Turkija. It-tfajla tgħix qrib Birmingham.
Il-Pulizija Ingliża nsistiet li kienet taf bil-wasla tagħha u li għalhekk ma kien hemm ebda theddid ta’ sigurtà għaċ-ċittadini Ingliżi. It-tifel li kellha magħha issa qiegħed f’idejn il-Pulizija li nvolvew mill-ewwel lis-servizzi soċjali.
Il-foreign fighters, jew ġellieda barranin li ngħaqdu mal-Istat Iżlamiku, kienet it-tema ta’ laqgħa f’Washington fejn is-Segretarju tal-Istat John Kerry żvela numru “inkwetanti” ta’ 20,000 persuna minn iktar minn 100 pajjiż differenti li marru fis-Sirja jew fl-Iraq biex jingħaqdu mat-terroristi. Nofshom huma oriġinarjament mil-Lvant Nofsani, imma dawk li ġejjin minn pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa huma madwar 4,000.
//= $special ?>