Kunsilli Lokali Lokali

Diżgwid ċar fuq is-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ Alfred Grixti mill-eks Sindku Laburista Brian Bonnici

F’kumment fuq facebook, Brian Bonnici qal li wara li għarbel s-sitwazzjoni iddeċieda li ma jikkontestax għall-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ għaliex sostna li żgur li ħadd mhu lest jidħol f’għalqa imminata. Qal ukoll li kien hemm diversi raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu li ma xtaqx jesponihom fuq facebook. Madankollu ma naqasx milli jagħmel kummenti li ġew interpretati minn Żebbugin li tkellmu ma’ dan l-istazzjon bħala kummenti immirati lejn is-Sindku attwali, Alfred Grixti. Grixti kien sar is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ wara li f’Novembru 2009 Bonnici irriżenja minn Sindku minħabba allegazzjoni fuq abbuż ta’ poter mir-riżorsi tal-Kunsill Lokali. Bonnici kien ġie illiberat minn dawn l-akkużi.

Bonnici qal li hu kellu ċ-ċans jikkontesta b’suċċess l-elezzjoni f’Ħaż-Żebbuġ, b’ċans kbir li jkun Sindku. Madankollu staqsa “x’jiswa li tkun sindku jekk ma tkunx tista’ taħdem jew tkun imminat, jew ma tkunx tista’ tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-poplu?”

Fil-kumment tiegħu, Bonnici jgħid li mhux il-ġlekk jew il-qalziet jagħmluk nies – bil-persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjon jgħidu li dan huwa kumment immirat direttament lejn Alfred Grixti.
Jagħmel ukoll appell biex iż-Żebbuġin jivvutaw għal persuni li tassew iħobbu r-raħal tagħhom u biex ma jħallux lil barranin, (referenza ċara għall Grixti li mhux oriġinarjament minn Ħaż-Żebbuġ), jiddettaw l-aġenda tar-raħal tagħhom. .

Bonnici qal li hu mhux se jikkontesta sempliċiment biex ikollu kariga filwaqt li qal li s-siġġu u l-perkaċċi qatt ma għamlu bih. Fil-kumment tiegħu jgħid li hemm min qed jgħaddi iż-żmien bir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ u għadu ma xebax jiffanga jew jiekol b’aktar minn ħalq wieħed. Anke dwar dan il-kumment, Żebbuġin li tkellmu magħna qalulna li dan huwa kumment ċar immirat lejn is-Sindku Laburista Alfred Grixti li l-Gvern Laburista ħatru bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Harsien Soċjali.

Bonnici rringrazzja wkoll lil dawk kollha li appoġjawh u ħeġġuh biex jikkontesta u kkonferma l-lealta’ tiegħu lejn il-Partit Laburista u lejn Ħaż-Żebbuġ. Għamel appell biex fl-elezzjoni ta’ April li ġej jingħata nifs u futur lil Ħaż-Żebbuġ, il-bogħod mill-klikka li tkisser lil dan ir-raħal.

Brian Bonnici Zebbug