Lokali

Filmat u Ritratti: It-toroq ewlenin ta’ Ħal Balzan mgħarrqa bid-drenaġġ

Xeni mhux tas-soltu f’Ħal balzan u partijiet minn Birkirkara hekk kif it-toroq tal-inħawi spiċċaw mgħarrqa f’nixxiegħa drenaġġ.

Kien kmieni wara nofsimhar li bħala parti minn proġett kontra l-għarar infetaħ id-drenaġġ mis-sistema’ l-antika għal pajpijiet ġodda li saru riċentament.

Madankollu l-pressa qawwi ta’ drenaġġ u ħmieġ li kien ilu jinġema’ għall-aħħar jiem wassal biex id-drenaġġ żbroffa fit-triq.

Dan wassal biex ħafna residenti f’Ħal Balzan ma setgħux joħorġu mid-dar minħabba li l-bankina u t-triq tagħhom kienu litteralment mgħarrqa bid-drenaġġ li ħareġ.

Hekk kif dan l-istazzjon wasal fil-post, stajna ninnutaw numru ta’ persuni jaħslu l-karozzi u l-parapetti tagħhom … karozzi oħra u faċċati tar-residenti kienu mimlija titjir u ħmieġ.

Ħafna ġibdulna l-attenzjoni li minkejja l-proġett tal-Gvern li sar f’Ħal Lija fl-aħħar ġimgħat, iż-żona marret għall-agħar, b’diversi tappieri jfuru u issa bid-drenaġġ jiksi t-toroq f’Ħal-Balzan u ż-żona.

F’każ partikolari, sid ta’ ristorant spjegalna li kellu n-nies jieklu quddiem l-istabbiliment tiegħu, meta “f’daqqa waħda għoliet il-kaxxa tad-drenaġġ u d-drenaġġ spara bħal funtana.”

Raġel ieħor qalilna li fl-aħħar ġimgħat nefaq għexieren ta’ flus għaliex għal iktar minn darba spiċċa bis-sistema’ tad-drenaġġ tiegħu spiċċat misduda.

Intant tkellimna mas-Sindku ta’ Ħal Balzan John Zammit Montebello, li wasal fil-post u qal li t-tama tiegħu hi li l-problema ma tissolviex minn naħa u tiżiluppa x’imkien ieħor.

Fil-post ukoll il-Viċi Sindku Joe Galea li esprima r-rabja tiegħu għall-mod kif il-lokal qed jiġi trattat. Qal ukoll li ġew affettwati ħażin ukoll sidien tal-ħwienet fiż-żona.

Il-Korporazzjoni tal-Ilma intant bagħtet numru ta’ bawżers u ħaddiema tagħha biex jitnaddfu t-toroq.

Imma s-sitwazzjoni ħolqot problema kbira fit-traffiku wkoll, hekk kif minkejja li kunsilliera tal-lokal cemplu lill-Pulizija, fuq il-post ma deher l-ebda uffiċjal, bil-karozzi jindunaw li ma jistgħux jgħaddu u jkunu kostretti jdawwru lura.

photo 1photo 4

Drenagg Balzan 2 200215