Il-President tal-General Workers’ Union, Victor Carachi, iddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jċaqlaq il-monti għal Triq l-Ordinanza u l-inħawi tat-teatru fid-daħla tal-Belt.
Skont Carachi, li kiteb fit-Times biex jiddefendi d-deċiżjoni ta’ monti kif tidħol il-Belt, in-nies mhux japprezzaw biżżejjed il-ġid li jista’ jħalli monti waqt li skont hu, bliet qegħdin hemm għan-nies mhux bil-maqlub.
Il-President tal-GWU saħaq li l-agħa qamet sempliċement minħabba d-disinn tal-istalls tal-monti, li “b’disinn iktar professjonali” żgur tinbidel l-opinjoni ta’ ħafna. Sostna li l-Partit Nazzjonalista wiegħed li l-monti jċaqilqu għal Triq l-Ordinanza u issa qed jagħmel U-turn għall-voti. Saħaq li l-kontroversja dwar il-monti qamet issa sempliċement għax ġejja elezzjoni.
Skont hu, bliet oħra Ewropej bħall-belt medjevali Annecy fi Franza għandhom il-monti fil-parti l-antika u dan hu attrazzjoni għat-turisti u għar-residenti. Saħaq li jekk ma rridux li l-Belt issir belt oħra silenzjuża bħall-Imdina, iridu jiġu stimulati attivitajiet kummerċjali mhux biss dawk marbuta mal-arti u l-kultura.
Insista li anke s-sidien tal-monti għandhom dritt jaqilgħu l-għajxien tagħhom waqt li ddeskrivihom bħala s-Sinderella għal ċerti kunsilli lokali għax xi residenti ma jriduhomx wara biebhom. Madankollu, saħaq, f’żoni bħal Marsaxlokk, is-sidien tar-ristoranti ndunaw li l-monti jġibilhom ix-xogħol.
B’kuntrarju għall-GWU, fl-aħħar ġimgħat kienu bosta dawk li opponew iċ-ċaqlieq tal-Monti, fosthom l-għaqda Din L-Art Ħelwa il-Fondazzjoni Valletta 2018 mmexxija mill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef, assoċjazzjoni Ewropeja tal-Ibliet, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Pjazza Teatru Rjal, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Periti. Il-Perit Richard England ddeskriva r-rilokazzjoni tal-monti bejn il-Parlament il-ġdid u t-teatru l-imwaqqa bħala “traġedja” filwaqt li s-soċjologu Michael Brigulio ddeskriviha bħala “vandaliżmu kulturali”.
Dan kollha jinghaqdu mal-pożizzjoni li ha l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li sostna li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Monti ma jibqax ħdejn il-proġett ta’ Renzo Piano.
//= $special ?>