Lokali

Il-kaċċa fir-rebbiegħa teskludi lill-pubbliku minn kważi 80% tal-kampanja

Il-kampanja Maltija fir-rebbiegħa ttieħdet mill-kaċċaturi billi l-kaċċa hi permessa fi kważi 80% tal-kampanja. Hekk qal il-preżentatur televiżiv Kevin Mercieca, li flimkien ma’ Alison Bezzina u Jo Caruana, ingħaqad mal-kampanja SHout.

SHout nediet rapport dwar l-impatt tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq id-dritt tal-pubbliku li jgawdi l-kampanja. Skont Mercieca, b’10,000 kaċċatur jikkaċċaw fi kważi 80% tal-kampanja Maltija fir-rebbiegħa, ftit li xejn jibqa’ spazju għall-bqija tal-Maltin biex igawduha mal-ħbieb u l-familja.

Mercieca, li semma’ li għandu membri fil-familja li huma kaċċaturi, qal li jaf persuni li jibżgħu jmorru għal mixjiet jew piknik fil-kampanja fl-istaġun tal-kaċċa minħabba kaċċaturi li “uħud minnhom waħħlu sinjali illegali biex iżommu lin-nies milli jużaw art pubblika”. Semma’ wkoll każi ta’ fastidju jew intimidazzjoni lill-pubbliku minn kaċċaturi u l-ħoss ta’ sparar u ċ-ċomb li, fi kliemu, “jagħmilha impossibbli għan-nies biex fir-rebbiegħa jgawdu l-kampanja”.

Il-preżentatriċi televiżiva u attivista favur l-annimali Moira Delia ddeskriviet lir-rebbiegħa bħala l-aħjar żmien tas-sena biex wieħed iżur il-kampanja f’Malta. Tkellmet ukoll dwar l-esperjenzi negattivi li ġarrbu individwi waqt mixjiet waqt li ġibdet l-attenzjoni għall-impatt fuq persuni li jgħixu qrib l-inħawi fejn iseħħ il-kaċċa.

Iż-żewġ personalitajiet ħeġġew lill-pubbliku biex “jagħmlu dak li hu sewwa”, u jivvutaw LE ħalli l-kaċċa fir-rebbiegħa tintemm mill-11 t’April.