Il-Kummissjoni Elettorali baqgħet fommha sieket dwar l-abbozz tal-Appell li l-Kummissjoni Elettorali kienet se tressaq fil-Qorti u li ġie leaked lill-Partit Laburista. Dan minkejja li għaddew aktar minn 24 siegħa minn meta ġie żvelat il-każ minn The Malta Independent u minkejja li l-Partit Nazzjonalista diġà talab spjegazzjoni ta’ kif dan l-abbozz wasal għand Uffiċjal għoli fil-Partit Laburista.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Belt, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said sostna li dak li ġie rrappurtat hu skandaluż għax il-Kummissjoni Elettorali suppost hi awtonoma. Fakkar li dan qed isir fid-dawl tad-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Elettorali, li tappella mid-deċiżjoni tal-Qorti li għamlet ġustizzja mal-Partit Nazzjonalista.
Chris Said fakkar kif fl-aħħar xhur, fil-Kummissjoni Elettorali ġraw numru ta’ fatti li xejn ma jawguraw tajjeb għall-ħidma tal-Kummissjoni. Fost l-oħrajn, it-trasferiment ta’ numru ta’ ħaddiema mill-Kummissjoni Elettorali. Semma’ wkoll il-fatt li fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li terġa’ tistampa mill-ġdid il-poloz tal-vot wara li Cyrus Engerer kien irtira l-kandidatura tiegħu.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investimenti tal-Gvern Ċensu Galea, li sostna li l-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun jaf kif taħdem il-Kummissjoni Elettorali. Barra minhekk, min ħareġ l-abbozz ta’ Appell lill-Uffiċjal għoli tal-Partit Laburista għandu jerfa’ r-responsabbiltà. Staqsa jekk fil-każ tal-leak tal-abbozz tal-Appell lill-Partit Laburista, il-Kummissjoni Elettorali kinitx qed issegwi l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-istess Kummissjoni Elettorali, li minnha ħareġ il-leak lill-Partit Laburista, se tkun responsabbli mit-tħaddim tal-Liġi tal-Finanzjamenti tal-Partiti. Għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista se tkun qed iżżomm għajnejha mifuħin fuq dak kollu li tkun qed tagħmel il-Kummissjoni Elettorali, f’ġieħ it-trasparenza u l-awtonomija.
Chris Said qal li każijiet bħal dawn, u s-silenzju li jtarrax mill-Kummissjoni Elettorali, idgħajjfu jekk mhux iġibu fix-xejn il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi f’istituzzjonijiet li suppost ikunu awtonomi, fosthom il-Kummissjoni Elettorali.
//= $special ?>