Żewġ żgħażagħ, probabbli Libjani, qed jiġu mfittxija mill-Pulizija Taljana f’Ruma wara li daħlu f’ħanut li jbiegħ l-armi u talbu informazzjoni dwar ġkieket bullet-proof u visors għal bil-lejl.
Wara li sid il-ħanut informa lill-Pulizija, inħoloq l-identikit tagħhom u bħalissa għaddejja tfittxija intensiva fiċ-ċentru ta’ Ruma, partikolarment f’żoni fejn jgħixu diversi immigranti u fejn hemm numru ta’ Musulmani u moskej.
Wieħed miż-żgħażagħ għandu xahru mqaxxra u hu ta’ madwar 30 sena u l-ieħor, iżgħar minnu fl-età u b’xagħru twila. Skont il-ġurnal L’Espresso, li żvela l-aħbar, it-tfittxija ilha għaddeja għal xi jiem hekk kif l-Italja hi fuq allert massimu għal suspetti ta’ terroriżmu b’mod partikolari wara t-theddid tal-ISIS direttament fuq Ruma.
Il-Pulizija qed twissi li dawn iż-żewġ persuni Iżlamiċi huma meqjusa perikolużi u jekk wieħed jiltaqa’ magħhom għandu jwaqqafhom bil-kawtela kollha, iwettaq perkwiżizzjoni fuqhom u jakkumpanjahom sal-eqreb għassa fejn jiġi infurmat mill-ewwel il-kmandant. Fl-istess ħin, madankollu, il-Pulizija qed tgħid li għalissa m’hemm l-ebda kollegament bejn dawn iż-żewġ persuni u t-terroriżmu internazzjonali.
//= $special ?>