Lokali

Aġġornata Il-UĦM tgħid li Justyne Caruana ‘heddet’ lil ħaddiema tad-‘day centres’ – Justyne Caruana tirreaġixxi

Aġġornata

Fi stqarrija l-Union Ħaddiema Magħqudin, il-UĦM, ikkundannat l-aġir tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, li skont l-istess union heddet lil numru ta’ ħaddiema li sal-lum kienu jmexxu d-day centres imferrfxin f’Malta.

Dan wara li l-UĦM talbet laqgħa mmedjata mal-awtoritajiet b’rabta ma’ sitwazzjoni fejn il-Gvern qabad u ħatar numru ta’ ‘supervisors’ f’dawn id-‘day centres’ minflok ma rreveda l-istruttura għal ħaddiema preżenti.

Il-Union Ħaddiema Magħqudin qalet li rċeviet numru ta’ ilmenti mingħand ħaddiema li sal-lum kienu jmexxu d-day centres imferrxin f’Malta. Dan wara li ġew mhedda mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana jumejn ilu.

Għal dawn l-aħħar snin, il-UĦM kienet qed titlob grad u struttura għall-ħaddiema li jaħdmu fid-‘day centres’. Dan peress li dawn l-istess ħaddiema kienu kollha jaħdmu bl-istess grad imma jagħmlu xogħolijiet differenti: min ta’ tmexxija u min ta’ assistenza.

Iżda s-Segretarjat responsabbli mid-day centres, minflok iltaqa’ biex jiddiskuti struttura xierqa għal dawn il-ħaddiema, ħatar numru ta’ supervisors ħalli minflok jibdew jagħmlu xogħol ta’ tmexxija fl-istess ċentri.

Il-UĦM saħqet li għalkemm il-Gvern kien marbut joħroġ is-sejħa għal supervisors, ir-rwol ta’ dan il-grad mhux ta’ tmexxija f’day centres.

Barra minn hekk, il-union tisħaq li l-ħaddiema, li ilhom għal dawn l-aħħar snin imexxu dawn iċ-ċentri ta’ matul il-jum, m’għandhomx jingħataw il-ġenb u jitpoġġa ħaddieħor minflokhom.

Għaldaqstant, il-union talbet laqgħa immedjata mad-direttur tad-dipartiment konċernat u ħarġet direttiva biex dawn il-ħaddiema jibqgħu jaqdu l-istess rwolijiet li kienu jagħmlu u ma jiċċaqilqux mid-day centres.

Il-UĦM spjegat li jidher li nhar l-Erbgħa s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, flok iltaqgħet mal-UĦM biex issolvi din il-problema, laqqgħet il-ħaddiema u heddithom sabiex ma jsegwux id-direttiva legali maħruġa mill-UĦM. Dawn il-ħaddiema saħansitra ġew mhedda li jiġu rappurtati lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-UĦM qaelt li l-aġir tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana u qed tinkoraġġixxi lill- ħaddiema sabiex jibqgħu jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caryana tirreaġixxi – iżda ma tirreferix għall-allegazzjoni tal-UĦM li heddet li tirrapporta lill-ħaddiema lill-Kummissarju tal-Pulizija

Intant fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet għal kollox l-allegazzjonijiet li saru fl-istqarrija maħruġa mill-UĦM.

Justyne Caruana qalet li l-bidliet li saru huma fl-aħjar interess kemm tal-anzjani li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum u kemm tal-ħaddiema li għandhom jagħmlu xogħol li huma impjegati għalih.

Justyne Caryana qalet li l-UĦM qatt ma talbet laqgħa mas-Segretarju Parlamentari, is-Segretarjat Parlamentari huwa dejjem dispost li jiltaqa’ mal-UĦM biex jispjega s-sitwazzjoni. It-triq ’il quddiem fil-qasam tal-anzjani hi li dan il-qasam għandu jitmexxa fl-ahjar interess tal-anzjani tagħna fejn id-dinjità tagħhom għandha tiġi rrispettata u protetta.

Justyne Caruana fl-ebda parti tal-istqarrija ma rreferiet għall-allegazzjoni tal-Union Ħaddiema Magħqudin li Justyne Caruana heddet lil numru ta’ ħaddiema li tirrappurtahom lill-Kummissarju għall-Pulizija jekk jobdu d-direttiva legali tal-UĦM. Dwar dan, Justyne Caruana m’għamlet l-ebda referenza fl-istqarrija li ppubblikat.