Il-Union tal-Għalliema (MUT) fi stqarrija qalet li l-istrajk ta’ siegħa li għamlet dalgħodu fil-Liċeo tal-Ħamrun kien suċċess, tant li ġie segwit minn aktar minn 99% tal-Edukaturi li jaħdmu fl-Iskola Sekondarja tas-Subien fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca.
L-MUT qalet li, b’riżultat tal-istrajk, qed jitwaħħlu kameras ta’ sigurtà u intercom. Qalet ukoll li t-Tlieta li ġej se jkollha “laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni” mal-awtoritajiet. Għalhekk, sakemm din issir, id-direttivi se jiġu sospiżi.
L-MUT irringrazzjat lill-Edukaturi kollha tal-iskola, filwaqt li qalet li tittama li l-messagg b’saħħtu li ħareġ mingħandhom jagħmilha ċara li l-abbuż fil-post tax-xogħol mhux se jibqa’ jiġi ttollerat minn ħadd.
Sostniet li se tibqa’ tippersisti biex id-drittijiet tal-membri tagħha jiġu mħarsa ħalli dawn ikunu jistgħu jgħallmu f’ambjent sigur u aċċettabbli, filwaqt li jitħares ukoll id-dritt tal-istudenti li jgħallmu.
//= $special ?>