Lokali

L-MUT twaqqaf id-direttivi wara li strajk iwassal għal kameras ta’ sigurtà fi skola

Il-union tal-għalliema (MUT), fi stqarrija, qalet li l-istrajk ta’ siegħa li għamlet dalgħodu fil-Liċeo tal-Ħamrun, kien suċċess tant li ġie segwit minn iktar minn 99% tal-edukaturi li jaħdmu fl-iskola sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca.

L-MUT qalet li, b’riżultat tal-istrajk, qed jitwaħħlu kameras ta’ sigurtà u intercom. Qalet ukoll li nhar it-Tlieta li ġej se jkollha “laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni” mal-awtoritajiet u għalhekk, sakemm din issir, id-direttivi se jiġu sospiżi.

L-MUT irringrazzjat lill-edukaturi kollha f’din l-iskola waqt li qalet li tittama li l-messaġġ b’saħħtu li ħareġ mingħandhom jagħmilha ċara li l-abbuż fuq il-post tax-xogħol mhux se jibqa’ jiġi ttollerat minn ħadd.

Sostniet li se tibqa’ tippersisti biex id-drittijiet tal-membri tagħha jiġu mħarsa biex dawn ikunu jistgħu jgħallmu f’ambjent sigur u aċċettabbli waqt li jitħares ukoll id-dritt tal-istudenti li jitgħallmu.