Fi Brussell bdiet laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro bit-tama li tinstab soluzzjoni għall-kriżi dwar id-dejn Grieg.
Hekk kif daħal għal-laqgħa Yanis Varoufakis, il-Ministru tal-Finanzi Grieg (fir-ritratt fuq ix-xellug flimkien mal-Prim Ministru Tsipras), esprima ottimiżmu li seta’ jintlaħaq ftehim dwar il-ħlas tad-dejn. Il-Greċja trid li tingħata estensjoni tas-self li qed tingħata imma ma tridx iġġedded il-ftehim għall-bailout li bih jingħataw dawn il-flus. Dan minħabba l-miżuri ta’ awsterità ibsin li hemm marbuta miegħu.
Il-Gvern il-ġdid Grieg qed jitlob li jingħata self għal sitt xhur biex jingħata ċans jirranġa ċerti affarijiet. Imma ma jridx li ċerti miżuri ta’ awsterità li l-pajjiż kellu jadotta, ikomplu.
Varoufakis kien ottimist li kienu se jsibu t-triq tan-nofs imma rapporti fil-media Ġermaniża lbieraħ qalu li l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) qed ilesti għall-eventwalità li l-Greċja titlaq miz-zona ewro.
Skont rapporti f’Der Speigel, l-ECB kien qed jagħmel ukoll pressjoni fuq Ateni biex tintroduċi kontrolli biex ikun evitat li n-nies joħorġu l-flus mill-pajjiż. Dan fl-isfond tax-xettiċimu li hemm fil-media Ġermaniża dwar il-pjani Griegi. Il-Gvern Ġermaniż adotta linja iebsa fil-konfront tat-talbiet tal-Greċja imma l-Ħamis saret telefonata bejn Angela Merkel, il-Kanċillier tal-Ġermanja, u Alexis Tsipras, il-Prim Ministru Grieg, u kien hemm ħjiel li forsi seta’ jintlaħaq kompromess.
Il-ftehim għall-bailout Grieg jiskadi fit-28 ta’ Frar u jekk ma jkunx hemm soluzzjoni l-indikazzjonijiet huma li sa nofs Marzu l-Gvern Grieg ikun spiċċa bla flus.
Laqgħa kruċjali għall-ġejjieni tal-Greċja
