Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil għax kien qed jiddefendi lilu nnifsu

Żebbuġi ta’ 63 sena ma nstabx ħati ta’ attentat ta’ qtil fuq raġel ieħor waqt ġlieda “free-for-all” f’Żebbuġ stess fl-2009. Il-Qorti emmnet il-verżjoni ta’ George Farrugia, dik li huwa kien qed jaġixxi b’mod li jiddefendi lilu nnifsu. Dan wara li kien ukoll qala’ daqqiet b’kanna tal-metall.

Farrugia ma nstabx ħati tal-attentat ta’ qtil ta’ George Saliba wara li tah daqqa ta’ sikkina waqt ġlieda bejn żewġ familji. Mill-provi li ħarġu quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman ħareġ kif iż-żewġ familji kemm il-darba kienu nvoluti fi ‘ġliediet kbar u li teżisti mibgħeda kbira bejn iż-żewġ familji.

L-inċident kien seħħ għall-ħabta tas-7.15 p.m. fl-ewwel ta’ Lulju tal-2009 fi Triq Pawlu Debono wara argument li beda bejn il-familji fuq garaxx li jmiss mad-dar ta’ Farrugia, li kien qed ikun ta’ inkonvenjent għalih u għall-ġirien.

Ħareġ li sid il-garaxx ħebb għall-Farrugia, kif ukoll daħlu fl-istorja ċertu Saviour Camilleri u membri tal-familja tiegħu u Saliba nniffsu. Farrugia qal fil-Qorti li Saliba tah daqqa ta’ kanna filwaqt li Camilleri tah bis-sieq. Minħabba f’hekk George Farrugia sofra minn laċerazzjoni f’rasu u frattura fl-għadma ta’ dahru.
Farrugia qal li s-sikkina kien iħalliha fid-“drive-in” peress li kien juża’ għall-panti u ma kellux triq oħra ħlief jirrikorri għaliha għax beża’ għal ħajtu. Huwa qal ukoll li ilu jgħix f’infern għal 13-il sena sħaħ qabel dan l-inċident minħabba l-inkwiet fuq dan il-garaxx li kien qed jintuża minn Camilleri li kien jaħdem bħala mekkanik mingħajr il-permess tal-MEPA.

Il-ġirien kienu wkoll iffirmaw petizzjoni fuq dan ir-rigward. Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li kien hemm verżjoni kontrastanti fuq l-inċident imsemmi, iżda skont l-esperti tal-Qorti, l-inċident seħħ viċin id-dar ta’ Farrugia, li jindika li Saliba u l-familja tiegħu l-ewwel ressqu lejn l-istess Farrugia.

Il-Maġistrat Hayman qalet li l-verżjoni mogħtija minn Saliba u l-familja tiegħu, inkluż dik ta’ Camilleri, ma tistax titwenmmen, u emmnet il-linja ta’ difiża ta’ Farrugia li kien qed jiddefendi lilu nnifsu biex ikun protett hu, l-familja tiegħu u l-propjeta’ tiegħu mill-agressjoni.

Il-Qorti talbet ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dwar jekk il-garaxx li kien responsabbli għall-ġlieda u l-mibgħeda li hemm bejn il-familji, għandux permess li jopera. L-Ispetturi Daniel Zammit, Joseph Mercieca u Malcolm Bondin mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joe Giglio deher għal Farrugia.