Anzjan ta’ 89 sena jitkeċċa minn dar tal-anzjani għax allegatament hu vjolenti u konsegwentement spiċċa rikoverat fl-Isptar Mater Dei.
Il-Qraba tal-anzjan, f’kuntatt li ghamlu ma’ MaltaRightNow.com, qalu li l-anzjan hu residenti fid-Dar tal-Anzjani Jasmine fl-Imsida.
Fil-jiem li għaddew, wieħed mill-qraba irċieva telefonata mid-Dar tal-anzjani fejn qalulhom biex jiġbruh u jirrikoverawh l-Isptar għaliex niżlitlu l-pressjoni. Il-Qarib tal-anzjan qal li s-servizz li qed iħallsu għalih jinkludi li l-anzjan ikun rikoverat l-Isptar akkumpanjat minn infermier, iżda mill-home qalulu li dak is-servizz hu bi ħlas żejjed.
Ir-raġel ipprova jivverifika mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Anzjani u qalulu li se jivverifikaw imma normalment, anzjani li jkollhom bżonn jittieħdu l-Isptar ikunu akkumpanjati minn infermier, irrispettivament jekk hux minn Dar tal-Gvern jew Dar tal-Anzjani mmexxija mill-privat.
Wara ġimgħa rikoverat l-Isptar, l-anzjan kien rilaxxat minn Mater Dei u kellu jittieħed lura fid-Dar tal-Anzjani Jasmine, iżda l-anzjan lanqas biss tħalla jinżel mill-Ambulanza għaliex, skont il-management ta’ din id-dar, l-anzjan kien vjolenti.
B’konsegwenza ta’ din it-tkeċċija, l-anzjan ittieħed lura Mater Dei.
Ikkuntattjata minn dan is-sit, id-direttriċi ta’ Jasmine Home Angele Falzon qalet li s-sitwazzjoni ġiet riżolta u l-anzjan jinsab lura fid-Dar.
Hi insistiet li kemm l-anzjan kif ukoll il-qraba tiegħu fil-passat kienu aggressivi, fil-konfront ta’ anzjani oħrajn kif ukoll tal-istaff ta’ Jasmine Home. Madankollu hi qalet li ma sarux rapporti lill-pulizija.
Angele Falzon tenniet li d-Dar għandha d-dritt li ma taċċettax residenti biex tipproteġi residenti oħrajn u l-istaff tagħha. Mistoqsija għaldaqstant għaliex kien aċċettat lura jekk hu verament vjolenti u aggressiv, id-Direttriċi ta’ Jasmine Home wieġbet li ġie aċċettat lura bil-patt u l-kundizzjoni li inċidenti fil-passat ma jirrepetux ruħhom.
Min-naħa l-oħra, iben l-anzjan qal li hu kien infurmat mill-Isptar Mater Dei li missieru kien aċċettat lura fid-Dar sakemm tinstab dar tal-anzjani oħra.
Mistoqsija jekk kienx hemm xi intervent mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Anzjani dwar dan il-każ, Angele Falzon ma rieditx tikkummenta.