Żewġ persuni ta’ nazzjonalita barranija llum tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli akkużati li żammew għandhom u kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ żewġ tfajliet ta’ 16-il sena li kienu rrapurtati nieqsa nhar it-Tlieta li għadda.
Jemal Muktar Mohamed, Eġizzjan li għandu 19-il sena u residenti ż-Żejtun ammetta li żamm għandu liż-żewġ tfajliet u li kellu x’jaqsam magħhom. Ta’ dan hu weħel 20 xahar ħabs effettivi.
Minn naħa l-oħra Adam Mohamed, Sudaniż ta’ 25 sena residenti Tas-Sliema, inżamm taħt arrest preventiv u ma ngħatax il-liberta’ proviżjorja wara li ċaħad l-akkuża li kellu x’jaqsam mat-tfajla l-oħra.
It-tfajliet, residenti l-Ħamrun, instabu fiż-Żejtun jumejn wara li l-Pulizija ħarġet appell għal informazzjoni.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.