Internazzjonali

Ir-Renju Unit m’għandux biex jiġġieled lill-militar Russu

Eks kap tar-Royal Air Force qed jinsisti li r-Renju Unit m’għandux biex jiġġieled lill-militar Russu, għax id-difiża tiegħu “nqerdet”, jekk ikun hemm attakk mill-ajru. Dan hekk żewġ ajruplani militari tal-forzi Ingliżi kellhom jeskortaw ajruplani Russi tat-tip bombers li kienu qed itiru fuq Cornwall.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-flotta navali Ingliża kellha takkumpanja bastiment militari Russu fil-kanal tal-Ingilterra, għalkemm il-Ministru tad-Difiża qal li din kienet xi ħaġa ta’ rutina, waqt li ġimgħatejn ilu għaddew mill-kanal Ingliż żewġ ajruplani militari oħra Russi.

Skont il-Prim Ministru Ingliż David Cameron, Moska qed tipprova “tgħid xi ħaġa” u r-Renju Unit m’għandux iweġibha.

Iżda l-eks kap tal-RAF qed iqis it-theddida b’mod iktar serju waqt li sostna li l-pajjiż għandu biss nofs il-kapaċitajiet li kellu qabel. Tenna li forzi barranin bħal dawk Russi jmorru jiċċekkjaw x’kapaċitajiet ta’ difiża jkollhom pajjiżi oħra u probabbli s’issa ndunaw li r-Renju Unit m’għadux li kien. Saħaq li b’li qed tagħmel ir-Russja, qed tipprovoka u dan fi żmien meta pajjiżi tal-Punent m’għandhomx id-difiża li għandha hi.

Anke l-Ministru tad-Difiża Michael Fallon, qal li hemm “periklu reali u preżenti” li Vladimir Putin iniedi kampanja ta’ attakki biex jiddestabilizza l-istati Baltiċi. Skont hu, Putin irid jittestja l-pożizzjoni tan-NATO bil-mod ta’ kif ħadem fejn tidħol iż-żona tal-Krimea u l-lvant tal-Ukrajna.

Hekk kif it-tensjoni bejn in-NATO u r-Russja sejra għall-agħar dwar il-kriżi fl-Ukrajna, Moska żiedet b’mod sostanzjali t-titjiriet militari tagħha fi spazju tal-ajru ta’ pajjiżi msieħba fin-NATO.

Fl-istati Baltiċi weħidhom, l-interċettazzjonijiet is-sena li għaddiet kienu iktar mit-tripplu dawk ta’ snin oħra u diversi pajjiżi tan-NATO, fosthom ir-Renju Unit, żiedu l-għassa f’dan il-qasam.