Il-MEPA sejra mill-ħażin għal agħar. Hekk saħqu fi stqarrija l-għaqdiet Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA) u r-Ramblers Association. L-istqarrija tispjega li filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA prova jassigura l-pubblika li l-amnestija kontroverżjali mhux ser tapplika għall-abbuż f’żoni barra l-iżvilupp issa ħareġ li l-MEPA approvat permess għal pjattaforma tal-concrete għal kiosk fl-Għadira f’żona li hija bl-aktar mod ċar żona barra l-iżvilupp.
L-għaqdiet qalu li l-istess MEPA li approvat dan il-permess f’sit Natura 2000 u f’Żona ta’ Protezzjoni Speċjali fl-istess ħin ma’ approvatx l-permess tal-wind farm fis-Sikka l-Bajda, wind farm li huwa tant meħtieġ, minħabba li l-post huwa Żona ta’ Protezzjoni Speċjali.
L-istqarrija titkellem ukoll dwar kif il-Ħamis li għaddha l-EPC board tal-MEPA approva permess għal estensjoni ta’ dar fuq żona ta’ ambjent naturali; permess li d-direttorat kien saħaq li ma’ kellux jingħata. L-istqarrija tgħid li dan il-permess ħareġ minkejja li l-EPC huwa konxju mill-preċident perikoluż li dan jibda.
L-istqarrija tikkritika l-MEPA wkoll għaliex l-entita’ taħsel idejha mis-sigurta filwaqt li titkellem dwar inċident fejn struttura antika kollassat minħabba bini li kien qiegħed isir fuqha; inċident li għal ftit ma’ ħalliex mara mejta. Il-MEPA iżda, tgħid l-istqarrija, tkompli tapprova aktar bini ta’ dan ix-xorta.
L-FAA u r-Ramblers Association itemmu l-istqarrija billi jgħidu li dak li qiegħed jiġri jkompli jsaħħaħ il-veduta tal-pubbliku tal-MEPA bħala l-aktar awtorita’ korrotta f’Malta bil-funzjoni prinċipali li tgħin lill-iżviluppaturi fl-abbużi u b’ħidma kontra l-interessi tal-ekonomija, tat-turiżmu u tas-saħħa tar-residenti.
//= $special ?>