Lokali

Mħabbra attivitajiet għal 20 anniversarju mill-Fondazzjoni Nazareth

Fondazzjoni Nazareth dalgħodu waqt Konferenza Stampa tat id-dettalji dwar it-tieni edizzjoni ta’ “Bil-Qadfa ta’ Kulħadd”, mixja, ġirja jew qadfa bir-roti, li se tiġi organizzata nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Marzu. It-tlett rotot se jkunu qed jibdew minn Misraħ is-Suq, iż-Żejtun, li l-ewwel waħda titlaq il-mixja fl-10.00 a.m. Dawk li jixtiequ jgawdu r-rotta b’mod aktar mistrieħ se jkun hemm il-fun train li se tgħaddi mill-istess rotta. Ir-rotta tal-mixja u tal-ġirja se tkun madwar 8 km filwaqt li tar-roti madwar 12-il km, li jgħaddu mill-kampanja tat-tlett lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta: iż-Żejtun, Marsaskala u Ħaż-Żabbar. Ir-rotta se tkun qed tispiċċa fl-istess post f’Misraħ is-Suq, iż-Żejtun. Il-pubbliku se jkollu wkoll parkeġġ biex ikun jista’ jipparkja l-vettura tiegħu.

L-applikazzjonijiet huma miftuħa, li l-pubbliku jista’ japplika mit-tlett idjar jew mill-Workshop tal-Fondazzjoni Nazareth. Id-donazzjoni ta’ parteċipazzjoni hi ta’ €8.00, li kull parteċipant se jkun qed jingħata flokk, xarba enerġetika, ċereali u flixkun ilma. It-tfal se jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mal-karattri ta’ Disney. Dak il-grupp bl-akbar ammont ta’ parteċipanti se jkun qed jingħata ċertifikat individiwali u kommemorazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni Nazareth u tal-ġid kbir li qed tagħmel f’pajjiżna, hekk kif ir-residenti huma minn madwar Malta kollha. Barra minn dan hu stqarr li b’din l-attività jidher li l-isport jista’ jkun turija ta’ solidarjetà wkoll, filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex jipparteċipa f’din l-attività.

Dawn l-attivitajiet huma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni minn Dun Anġ Seychell, għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Bħalissa din il-Fondazzjoni tmexxi tlett idjar, iżda għandha bżonn ħafna donazzjonijiet biex tkun tista’ tibda l-proġett li jmiss li tibni r-raba’ binja. Mit-twaqqif tagħha Fondazzjoni Nazareth dejjem emment fil-volontarjat, u għalhekk din titmexxa kollha b’mod volontarju minn Bord tad-Diretturi u l-Kumitat.