Lokali

Tkompli r-rabja u l-inkwiet tal-kredituri ta’ More Supermarkets

Jekk Ryan Schembri jinsab f’Dubai allura jinqabad. Dan ġie rrapurtat fil-gazzetta n-Nazzjon tas-Sibt f’artiklu tal-ġurnalist Joe Mikallef fejn l-artiklu jiddeskrivi r-rabja tal-kredituri wara li tkellmu mal-gazzetta n-Nazzjon. Fl-artiklu ġie rrapurtat li huma konxji ta’ numru ta’ żviluppi u li mhux qalbhom maqtugħ li Schembri jinstab.

In-negozjanti li tkellmu man-Nazzjon kellhom kliem iebes fil-konfront ta’ Ryan Schembri li fl-20 ta’ Settembru tas-sena l-oħra ħarab minn Malta u ħalla warajh lil dawn in-negozjanti migduma ‘l fuq minn erbgħin miljun ewro. Hu ħarab flimkien ma’ martu u ibnu.

Huma qalu li jekk Ryan Schembri jinsab moħbi, jew jgħix f’ħajja lussuża f’Dubai, filwaqt li jkompli għaddej bin-negozju xi darba jew oħra se jinqabad.

Dejjem skont dawk li tkellmu ma’ n-Nazzjon, il-probabbilta’ li Ryan Schembri għażel li jmur jistaħba f’Dubai għaliex Malta ma’ dak il-pajjiż m’għandha l-ebda ftehim dwar estradizzjoni

Intant il-Ġimgħa dejjem fuq il-gazzetta n-Nazzjon kien żvelat kif Darren Casha, li spiċċa responsabbli mill-More Supermarkets, wara l-ħarba ta’ Schembri, f’kumment mal-gazzetta qal li mhux maħrub iżda jinsab l-Indoneżja fuq negozju.

In-Nazzjon irnexxiela tagħmel kuntatt ma’ Darren Casha, wara rapporti minn kredituri li għandhom jieħdu flus minn Casha li minn naħa tiegħu qal li se jkun qed jirritorna Malta lejn l-aħhar ta’ April.

Darren Casha, fil-kumment tiegħu lin-Nazzjon, serraħ moħħ il-kredituri kollha u qal li għandu lil min jirrapreżentah fuq bażi legali. Iżda minkejja d-dikjarazzjonijiet ta’ Darren Casha, l-kredituri huma xettiċi kemm se jirritorna Malta.