“Fil-11 ta’ April fil-verità m’hemmx għażla: għas-sostenibilità, għall-għasafar, għall-ambjent tagħna irridu nivvutaw ‘le’”
Grupp ta’ żgħażagħ inġabru fil-Belt Valletta fejn quddiem il-midja appellaw lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex jivvutaw ‘Le’ fir-referendum li se jsir fil-11 t’April li ġej, u li se jiddetermina jekk il-kaċċa fir-rebbiegħa għandiex tibqa’ tiġi prattikata jew le.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Steve Zammit Lupi, ‘birdwatcher’ u membru fil-kampnja ‘SHOut’, saħaq li ma jagħmilx sens għas-sostennibilita’ ambjentali li f’Malta nippermettu l-kaċċa tal-gamiem u s-summien fil-ġimgħat tar-rebbiegħa.
Iż-żgħażagħ li pparteċipaw fil-konferenza tal-aħbarijiet ħeġġew lil żgħażagħ oħra biex ma jkunux indifferenti dwar ir-referendum, għaliex dan se jkun iċ-ċans tagħhom biex jivvutaw għal Malta ambjentalment aħjar fil-futur. Xi wħud minn dawk miġbura sejrin jivvutaw għall-ewwel darba f’dan ir-referendum.
Steve Zammit Lupi saħaq li ż-żgħażagħ li jieħu deċiżjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa ma jkunux qegħdin jinsew it-tradizzjonijiet Maltin għaliex il-kaċċa ħadet xejra għall-agħar.
Hu wera lill-midja apparat elettroniku li jattira s-summien matul il-lejl, biex jiġi kkaċċjat filgħodu. L-użu ta’ dawn il-bird callers hu illegali u m’hemm xejn ‘tradizzjonali’ fihom, għalkemm l-użu tagħhom fil-kampanja hu mifrux sew.
L-attivista żagħżugħ wera wkoll it-tħassib tiegħu li l-ġenerazzjoni li jmiss tista’ tesperjenza “stat fejn ma jkun fadal xejn aktar x’nipproteġu.” Huwa wera stampa tal-aħħar Passenger Pigeon, imsemmija Marta, li mietet fil-magħluq fl-1914. Fis-seklu 19 din il-ħamiema kienet tgħodd il-biljuni, imma kienu jiġu kkaċċjati bħala sport u għall-ikel, l-istess kif jingħad għall-gamiem u s-summien f’Malta ta’ llum.
“Inħossni kuntent li ngħix f’pajjiż demokratiku fejn ingħatajt il-vot biex nieħu sehem fid-deċiżjonijiet,” qal student Għawdxi Beppe Galea.
Żied jgħid li qed tiġi diskussa kwistjoni li mhix biss bejn il-kaċċaturi u l-‘birdwatchers’. Qal li hu bird watcher, iżda l-kaċċa fir-rebbiegħa tinkwetah għaliex ma fiha ebda sens.
Żagħżugħa oħra, Bernice Saliba spjegat li żgħażagħ imwielda fis-snin 90 ġew imorbbija jirrispettaw l-ambjent, u ġew mgħallma dwar it-tibdil fil-klima u l-qerda ta’ speċi differenti ta’ pjanti u annimali.
Il-grupp ta’ madwar tletin ruħ kien magħmul minn studenti u attivisti minn għaqdiet taż-żgħażagħ differenti, bħal Youth 4 the Environment (Y4TE), Greenhouse Malta u BirdLife Falko, flimkien mal-ħbieb tagħhom.
//= $special ?>