Hemm kont pendenti ta’ €1.25 miljun lill-Isptar St.James wara li l-Bank of Valletta għalaq l-aċċess għall-kont bankarju lill-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan
Deċiżjoni mingħajr ebda konsultazzjoni tal-Bank of Valletta li jagħlaq l-aċċess għall-kont bankarju lill-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan, wassal biex l-istess Ambaxxata qed jakkumulawlha numru ta’ kontijiet li ma tistax tħallashom.
Jirriżulta, fost l-oħrajn, li l-aktar preokkupanti hi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-persuni Libjani li kienu qed jinġiebu regolarment Malta għall-kura. Il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan kienu qablu li pazjenti Libjani feruti fil-gwerra ċivili, jinġiebu Malta għall-kura u numru minnhom kienu qed jingħataw il-kura li kellhom bżonn fl-Isptar St. James.
Bejn Settembru 2014 u l-aħħar ta’ Jannar li għadda kien akkumulat kont dovut lill-Isptar St. James ta’ €1.25 miljun. Dan kien maqsum f’somma ta’ €605,628 lill-Isptar Capua f’Tas-Sliema, €179,660 lill-Isptar St James f’Ħaż-Żabbar u €470,721 lill-faċilità Live Life f’Tas-Sliema fejn isiru sessjonijiet ta’ fiżjoterapija.
Bil-kontijiet jakkumulaw u bil-kont bankarju iffriżat, it-tmexxija tal-Isptar St. James ma kellha l-ebda alternattiva li twaqqaf il-kura li kienu qed jieħdu l-pazjenti Libjani.
Minn stħarriġ li għamel il-mument jirriżulta li b’kollox dawk milquta direttament huma madwar 25 persuna Libjana li nqabdu f’nofs kura minħabba li ma setgħetx tissokta minħabba nuqqas ta’ flus.
It-tmexxija tal-Isptar St.James kienet kostretta li twaqqaf u tagħlaq il-bibien ukoll tal-isptar fi Tripli. F’komunikat uffiċjali lil Hussin S.T.Musrati, ix-Charge D’Affairs tal-Libja għal Malta, Maria Bugeja, Direttur ta’ Saint James Hospital Group, kitbet: “It is with regret that I write to inform you that with immediate effect the Saint James Hospital outlets will be terminating all medical services offered to the Libyan injured patients. This will include immediate discharge of all admitted inpatients, cancellation of their operations, cancellation of their outpatient visits, cancellation of their diagnostic and blood investigations as well as the supply of their medication.”
Nifhmu li t-tmexxija tal-Isptar St. James ippruvat ukoll tilħaq xi tip ta’ ftehim mal-Konsolat Libjan f’Ta’ Xbiex, iżda anki hawnhekk sabet bieb magħluq.
Meta aktar kmieni din il-ġimgħa il-mument tkellem ma’ Hussin S.T.Musrati ikkonferma li s-sitwazzjoni hi ta’ inkwiet kbir minħabba li numru ta’ pazjenti Libjani tħallew nofs leħja! “Mhux biss iffriżawlna l-kont bankarju, imma issa anqas biss iridu jiftħulna wieħed ġdid biex il-Bank Ċentrali ta’ Tripli jkun jista’ jgħaddi ammont ta’ flus fih biex jitħallsu diversi kontijiet pendenti.”
Hu qal li, fost l-oħrajn, l-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan għandha wkoll kont pendenti ta’ aktar minn €50,000 mal-ARMS għas-servizzi tad-dawl u l-ilma. “Anki dan il-kont ma jistax jitħallas għaliex m’għandniex flus.”
Hu temm jawgura li din is-sitwazzjoni tal-flus tkun solvuta f’qasir żmien biex hekk l-Ambaxxata tkun tista’ toħroġ il-ħlasijiet kollha meħtieġa, filwaqt li jkunu jistgħu jinġiebu Malta aktar pazjenti Libjani biex jingħataw il-kura li għandhom bżonn.
//= $special ?>