Lokali

Ebda post għal Neil Harrison fil-Korp tal-Pulizija

L-eks-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Neil Harrison, li sa ftit tal-jiem ilu kien jokkupa l-kariga ta’ Kap tas-Central Visa Unit, mhux mistenni jirritorna fil-Korp tal-Pulizija. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li Neil Harrison daħal xogħol fl-Uffiċċju tas-Central Visa Unit iżda jinsab bin-notice.

Minn stħarriġ li għamilna, anki tramite l-Korp tal-Pulizija, jirriżulta li Neil Harrison m’għadux fuq il-kotba tal-Korp u ftit hemm entużjażmu biex jilqgħuh lura fil-Korp – fi ftit kliem jidher li l-possibbiltà ta’ ritorn tiegħu għall-uniformi ma tantx hi gradita.

Madankollu l-aħbar żvelata minn il-mument fil-ħarġa ta’ ġimagħtejn ilu ssorprendiet lil ħafna li qatt ma basru li qamar il-għasel għal Neil Harrison fis-Central Visa Unit kien se jkun daqstant qasir!

Għalkemm uffiċjalment mhux magħruf x’wassal lil Neil Harrison biex jibgħat ir-riżenja tiegħu minn din il-kariga, is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument saħqu li matul l-aħħar ġimgħat hu spiss kien jinstema’ jgerger u jilmenta.

Bħala l-Kap tas-Central Visa Unit, Neil Harrison kien responsabbli mid-Dipartiment li kien jagħmel xogħol relatat mas-Schengen u aspetti tal-immigrazzjoni. Ix-xogħol tas-Central Visa Unit, li hu stabbilit fil-Furjana, hu dak li jirregola l-Liġi tax-Schengen u jassigura li ma tinkisirx. Hu wkoll responsabbli minn ħruġ ta’ ċerti visas, speċjalment f’każi ta’ raġunijiet mediċi lil barranin li jkunu jridu jiġu Malta għall-kura.

Il-ħatra ta’ Neil Harrison bħala l-Kap tas-Central Visa Unit tmur lura għas-sajf tal-2013. Kien l-eks-Ministru Manuel Mallia li ħatar lil Neil Harrison f’din il-kariga wara li Harrison kien iddiżappuntat bil-kbir bil-fatt li l-Gvern Laburista kien ħatar lil Pietru Pawl Zammit bħala l-Kummissarju tal-Pulizija minflok il-Kummissarju John Rizzo.

Hemm min isostni li qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ 22 xahar ilu kien hemm min kien mela ras Niel Harrison li jekk il-Partit Laburista kien se jirbaħ l-Elezzjoni, allura hu kellu jkun dak li jieħu l-post tal-Kummissarju John Rizzo bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija. Iżda l-eks-Ministru Manuel Mallia ħatar lil Pietru Pawl Zammit f’din il-kariga u meta ftit xhur wara Pietru Pawl Zammit ittajjar mill-kariga minħabba sensiela ta’ żbalji, Neil Harrison xorta waħda ma ngħatax dak li kien ilu jixtieq.

L-għażla waqgħet fuq l-Assistent Kummissarju Ray Zammit li kien hu li ngħata l-inkarigu ta’ Aġent Kummissarju tal-Pulizija, li dam jokkupaha biss ftit taż-żmien, wara li tkeċċa minħabba l-inċidenti tal-isparatura fil-Gżira fid-19 ta’ Novembru tal-2014 mix-xufier tal-eks-Ministru Manuel Mallia. Lejn tmiem is-sena l-oħra r-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija ngħata lil Michael Cassar, u jidher li Neil Harrison reġa’ ddarras bil-kbir għax fehem tajjeb il-messaġġ tal-Gvern.

Neil Harrison jidher li lmenta u sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li dan l-atteġġjament tiegħu kiber sal-punt li aktar kmieni dan ix-xahar hu rriżenja minn Kap tas-Central Visa Unit fejn kien qiegħed ikollu pressjonijiet kbar.

Ta’ min ifakkar li qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ 22 xahar ilu Audrey Harrison, mart Neil Harrison, kienet fost dawk li dehru fuq il-billboards tal-Partit Laburista b’messaġġ favur il-Partit Laburista.