Lokali

“Ħa nurikom min hi Justyne Caruana llum!”

“Ħa nurikom min hi Justyne Caruana llum. Jekk toħorġu xi kelma minn hawn ġew tpattuha qares.” Dawn kienu kliem is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana f’laqgħa li kellha mal-officers-in-charge tad-day centres għall-anzjani. Il-laqgħa ssejħet wara li l-UĦM talbet laqgħa mal-awtoritajiet b’rabta ma’ sitwazzjoni fejn il-Gvern qabad u ħatar numru ta’ supervisors fid-day centres minflok ma rreveda l-istruttura preżenti.

il-mument tkellem ma’ persuna li kienet preżenti u li fi kliemha, is-Segretarju Parlamentari Laburista ħallietha mwerwra sal-lum. Qabel mal-ħaddiema daħlu għal-laqgħa, l-Assistent Direttur ħadilhom il-mobiles u l-basktijiet. Minn hawn, irrakkontat il-persuna, beda sensiela ta’ theddid u insulti mis-Segretarju Parlamentari Justyne Farrugia.

“Lanqas officer-in-charge intom m’intom. Lanqas intom biss imniżżlin. Intom m’intomx xi primidonni,” qalet Justyne Caruana li kompliet li jekk xi ħaddiema għandhom xi testment li n-nannu ħallielhom xi Day Centre, il-ħaddiema għandhom imorru għandha u juruha dan il-kuntratt. “Morru ibilgħu dak ir-remettar li rremettejtu,” kompliet is-Segretarju Parlamentari.

Il-persuna li tkellmet ma’ il-mument spjegat x’ġara meta waħda mill-kollegi tagħha ppruvat twieġeb lis-Segretarju Parlamentari Caruana. Is-Segretarju Parlamentari min-naħa tagħha waqqfet minnufih lil din il-ħaddiema u għajtitilha b’isimha. Kien hawn li Justyne Caruana qalet lil din il-ħaddiema: “ieqaf għax il-Kummissarju tal-Pulizija wara l-bieb inġibulek.”

Il-persuna li tkellmet magħna kompliet li hekk kif il-ħaddiema wieġbet lura lis-Segretarju Parlamentari u qaltilha: “ara l-oħra kif qed tkellimni!”, Justyne Caruana qamet għal din il-ħaddiema u heddidtha: “ieqaf qed ngħidlek. Ieqaf għax għand il-Kummissarju tal-Pulizija issa nieħdok.”

F’għajnejn il-persuna li tkellmet magħna tidher ċar il-biża’ wara din il-laqgħa. “Werwritna. Dan mhux aġir ta’ Onorevoli. Għadni mwerwra sal-lum jien. Sal-lum għadni mwerwra.”

Ta’ min jirrimarka li r-raġel tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana huwa Assistent Kummissarju tal-Pulizija.

Ix-xhieda li qasmet magħna din il-persuna ġġib fix-xejn l-istqarrija li ħarġet il-Ġimgħa filgħaxija s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana li fiha qalet li l-laqgħa li kellha mal-ħaddiema kienet biss biex isserraħ moħħ il-ħaddiema li ħadd mhu se jitlef postu. L-istqarrija ta’ Justyne Caruana kienet attentat biex tiskredita lill-UĦM li fi stqarrija iktar kmieni ħarġet tikkundanna t-theddid tas-Segretarju Parlamentari lil numru ta’ ħaddiema.