Dokumenti uffiċjali li ra il-mument jindikaw li l-Bank of Valletta flimkien ma’ Joe Sammut, l-eks Teżorier u eks Kandidat tal-Partit Laburista, huma involuti f’allegat għajbien ta’ €6 miljun.
Il-każ imur lura ftit tas-snin iżda għadu pendenti quddiem il-Qrati ta’ Malta bil-kumpanija li allegatament ġiet iffrodata dan l-ammont qawwi ta’ flus, qed tagħmel li tista’ biex forsi ssib tarf ta’ kobba mħabbla ta’ fejn marru s-€6 miljun.
Fil-każ jista’ jkun involut ukoll Saif Gaddafi, wieħed mit-tfal ta’ Muammar Gaddafi, li nqatel erba’ snin ilu meta l-poplu Libjan għamel rivoluzzjoni kontra t-tmexxija dittatorjali tiegħu.
Ħafna intriċċi u pjani moħbija
Minn investigazzjonijiet preliminari li għamel il-mument jirriżulta li f’dan il-każ hemm ħafna intriċċi u pjani moħbija bl-iskop li l-flus oriġinali – dak li kienu proprjetà ta’ persuna partikolari – ikunu trasferiti lejn kontijiet varji sakemm finalment jgħibu u s-sid oriġinali tagħhom jispiċċa mingħajrhom. Anzi, biex inkunu aktar preċiżi, l-investiment imwiegħed lilu fejn suppost dawn il-flus kienu sejrin, mhux biss qatt ma seħħ, imma kien biss invenzjoni ta’ min ippilota dan l-ingann qawwi.
Kollox beda meta allegatament terzi bdew jinvestu flus ta’ kumpanija bl-isem Primitive African Art Limited reġistrata fil-British Virgin Islands mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju fi proġett deskritt kbir ħafna fil-Libja.
Sid ta’ kumpanija jintalab jidħol fi sħab ma’ Saif Gaddafi
Ingħadlu li kemm-il darba ried jibda jaħdem b’suċċess fil-Libja, kien jeħtieġlu li jidħol, direttament jew indirettament, fi sħab ma’ Saif Gaddafi, wieħed mit-tfal (maqbud imma mhux maqtul) ta’ Muammar Gaddafi. Kemm-il darba hu kien jidħol f’dan il-ftehim, allura kellu possibbiltajiet sbieħ li jagħmel investiment li jirrendilu tajjeb, waqt li b’hekk ma jkunx qed jiekol waħdu, iżda jkun qed jiekol miegħu Saif Gaddafi li ismu f’negozju bħal dan kien jagħtih ħafna saħħa.
Tajjeb li jingħad li n-negozju ġestit mill-kumpanija Primitive African Art Limited kien sejjer tajjeb ħafna bil-kumpanija tixtri u tbiegħ oġġetti tal-arti u għamara prezzjuża. L-istess kumpanija kellha reputazzjoni mill-aqwa u kienet imfittxija minn ħafna personalitajiet tal-flus li riedu jinvestu f’xi oġġetti tal-arti jew f’għamara ta’ valur kbir.
L-involviment ta’ terzi persuni
Mill-istħarriġ ta’ il-mument jirriżulta li l-ewwel kuntatti f’din il-kobba mħabbla saru ma’ ċertu negozjant Henri Baudet, Żvizzeru. B’din l-idea ta’ investiment fi ‘Proġett Libjan’ kompliet tikber. Jidher li Henri Baudet għamel kuntatt ma’ żewġ persuni oħra – Maher Mellouli, Tuneżin, u Dirk Borgers, Belġjan, li min-naħa tagħhom wegħduh appoġġ qawwi. Mir-riċerki li għamel il-mument, jirriżulta li l-proprjetarju tal-kumpanija Primitave African Art Limited ma kien jaf b’xejn dwar dawn il-famużi investimenti, anzi kien qed jingħata l-impressjoni li l-kontijiet bankarji tal-kumpanija huma tabbli u feliċi.
Is-sehem ta’ Joe Sammut
Kien f’dan ix-xenarju li mbagħad kien avviċinat Joe Sammut, l-eks Teżorier u eks Kandidat tal-Partit Laburista. Jidher li Joe Sammut ta d-disponibbiltà tiegħu, peress li ta l-għajnuna biex jinfetħu dawn il-kumpaniji. Dan kif jirriżulta mid-dokument li qed nippubblikaw b’mod esklussiv.
Mill-investigazzjonijiet li għamel il-mument jirriżulta li gradwalment, direttament jew indirettament, Joe Sammut waqqaf numru ta’ kumpaniji u bħala awditur tagħhom daħal hu stess. Mhux biss iżda anki fl-indirizz tar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji, wieħed isib dak ta’ 27, Triq Grognet, il-Mosta – il-post li minnu jaħdem l-istess Joe Sammut.
Mir-riċerki li għamel il-mument jirriżulta li fost il-kumpaniji mwaqqfa – u dan sa mill-2010 – hemm il-kumpaniji Aviacom Limited, Sealandair Energy International Limited, Gencon International Limited, Best Inter Limited, Mediterranean Oil Traders Limited, Syaufin Southern Europe Limited u S.C.I. Consiltants Limited. L-awditur ta’ dawn il-kumpaniji kollha hu l-istess Joe Sammut u l-indirizz reġistrat għalihom hu dak ta’ 27, Triq Grognet, il-Mosta.
Kontijiet bankarji mal-Bank of Valletta
Fl-isfond ta’ dawn l-intriċċi kollha jidher li nfetħu kontijiet bankarji tramite l-Bank of Valletta fejn allura l-flus mill-kont oriġinali tal-kumpanija, issa l-flus bdew ikunu trasferiti b’mod perjodiku fuq il-kontijiet ġodda fil-Bank of Valletta.
Wieħed jistaqsi kemm il-Bank of Valletta għamel xogħol korrett ta’ due diligence. Qabel ma fetaħ dawn il-kontijiet il-Bank of Valletta kemm ivverifika min huma l-azzjonisti ta’ dawn il-kumpaniji. Jew forsi l-Bank of Valletta straħ fuq l-informazzjoni ipprovduta lilu esklussivament minn Joe Sammut?
Il-proprjetarju tal-flus jiftaħ kawża l-Qorti
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew jispjegaw li bħalma jgħid il-qawl Malti – tieħu bla ma trodd is-swar tħott – il-kont oriġinali ta’ €6 miljun dab fil-veru sens tal-kelma u llum il-proprjetarju qiegħed f’taqbida legali biex jara mhux biss fejn marrulu flusu f’dan l-investiment fantażma li sarlu bi ħwejġu, imma aktar minn hekk x’jista’ forsi jieħu lura minn dak mitluf.
Hemm min qiegħed jallega li f’dan l-eżerċizzju kollu jista’ jkun hemm prattiċi ta’ tħassib, jiġifieri allegat ta’ ħasil ta’ flus. Kemm-il darba jkun il-każ, allura eventwalment il-Pulizija jkollha tiddaħħal biex tibda tinvestiga din il-kobba mħabbla.
Diġà investigati fost dawk involuti
Henri Baudet diġà kien investigat u misjub ħati mill-Canton ta’ Ġenevra (l-awtoritajiet tal-istat ta’ Ġinevra fl-Iżvizzera). Mhux biss iżda fil-preżent għaddejjin ukoll investigazzjonijiet serji ħafna fir-rigward ta’ Maher Mellouli u Dirk Borgers. Dawn l-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija Belġjana li qed janalizzaw transazzjonijiet ta’ flus minn ċerti kontijiet għal oħrajn biex ikun stabbilit dak li kien għaddej sakemm finalment is-€6 miljun għebu f’dak li jista’ jkun deskritt bħala ħasil ta’ flus.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew jistaqsu kif huma xettiċi ħafna dwar ċerti prattiċi segwiti f’dan il-każ mill-awditur Joe Sammut li kellu d-dmir u d-dover li jassigura li l-kontijiet kollha kienu korretti la kien qiegħed jidher għalihom hu stess u dan f’kull perjodu tal-attività finanzjarja.
Sadattant, il-proprjetarju ta’ Primitive African Art Limited qiegħed ikompli bil-kawża kontra l-Bank of Valletta li allegatament jidher li naqas milli jagħmel dak kollu mistenni minnu fir-rigward ta’ investigazzjoni due diligence kemm fuq l-individwu, kemm fuq il-kumpaniji u anki fir-rigward tal-mod kif kienu qed jintużaw dawn il-flus. Dan kollu fid-dawl ta’ dak li jgħid l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus.