Fl-isfond preokkupanti ħafna ta’ traġitti b’immigranti illegali mill-kosta tal-Libja lejn l-Ewropa li diġà seħħew fix-xhur tax-xitwa, jidher li l-Gvern ta’ Tripli se jimbarka f’negozjati mal-Gvern Taljan li kollox jindika li hu dispost li jidħol f’taħditiet ħalli jsir dak kollu meħtieġ biex din il-problema kbira tkun indirizzata mingħajr ħela ta’ żmien u hekk ikunu evitati traġedji ġodda fil-baċin tal-Mediterran.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew li żvilupp mill-aktar interessanti f’dan ix-xenarju kollu jista’ jseħħ jekk f’dawn it-taħditiet ikun involut ukoll il-Gvern Ġermaniż li mhux biss jidher li hu mħasseb b’dak li qed jiġri fil-Libja, iżda qed juri sinjali konkreti li lest li jiddjalogu mal-Gvern ta’ Tripli li jrid ikun hu li jagħmel impenn qawwi u tanġibbli fil-ġlieda lill-immigrazzjoni illegali.
Kemm-il darba dan il-proċess ta’ taħditiet ikun varat, fissru s-sorsi li tkellmu ma’ il-mument, allura l-mistoqsija toħroġ waħidha: u l-Gvern Malti fejn kien f’dan il-mument tant delikat?
L-istess sorsi żiedu li f’dan il-mument fil-Libja jidher li hemm qbil li l-kwistjonijiet interni fil-pajjiż għandhom ikunu solvuti mill-poplu Libjan stess u m’għandhomx ikunu xi pajjiżi kif issemma’ aktar kmieni din il-ġimgħa, li jingħaqdu flimkien, jidħlu fil-Libja u jintervjenu huma. “Il-poplu Libjan ma jieħux gost min jinvadilu pajjiżu bl-iskuża li se jġib il-paċi!
“L-istess bħalma l-poplu Libjan mhux qed jieħu gost bil-militar Eġizzjan jispara u jattakka bliet fil-Libja, saħansitra fi Tripli. Għax hemm suspett qawwi li dak li qed jagħmel il-militar Eġizzjan mhu xejn għajr eżerċizzju ta’ tpattija lill-Gvern ta’ Tripli biex tiddgħajjiflu s-saħħa tiegħu,” żiedu s-sorsi ta’ il-mument.
Dawn komplew juru s-suspett tagħhom li l-militar Eġizzjan, bl-iskuża li qed jirritalja minħabba l-qtil ta’ għadd ta’ rġiel Kopti minn membri tal-Istat Iżlamiku, issa qed jużaw l-aktar armi sofistikati biex jattakkaw qagħdiet differenti fil-Libja, fosthom fi Tripli.”
Is-sorsi ta’ il-mument temmew li l-poplu Libjan jistenna l-appoġġ tal-Gvern Malti li f’dan il-mument diffiċli jagħti l-id tal-ħbiberija tiegħu biex il-Libja terġa’ lura fit-triq tal-prosperità, il-ġid u n-negozju li minnu jgawdu wkoll pajjiżi ġirien bħal Malta.
//= $special ?>