Lokali

Il-PN: Joseph Muscat għandu jieħu azzjoni dwar id-diskors tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieħu azzjoni dwar id-diskors li qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana lill-ħaddiema tal-Gvern aktar kmieni din il-ġimgħa. Kienet waħda mill-istess ħaddiema, li minkejja t-theddid tal-membru tal-Kabinett ta’ Muscat, tkellmet mal-media u żvelat dak li qaltilhom Justyne Caruana.

Joseph Muscat jippriedka spiss dwar ir-responsabbiltà politika. Issa għandu quddiemu test ċar. Jekk verament Muscat jemmen dak li jitkellem dwaru, għandu minnufih jieħu azzjoni dwar dan id-diskors.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li minbarra dak li ġie żvelat fil-media llum, aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Union Ħaddiema Magħqudin ħarġet stqarrija li fiha wkoll ġie kkundannat id-diskors ta’ Justyne Caruana.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dan it-tip ta’ diskors, ġej minn fejn ġej, aktar u aktar meta jkun ġej minn membru tal-Kabinett. Huwa irresponsabbli li l-politiku li suppost jieħu ħsieb id-dinjità tal-anzjani tagħna jitkellem b’dan il-mod mal-ħaddiema.

L-intervista li ġiet żvelata minn dan is-sit, tista’ tiġi segwita hawnhekk: http://youtu.be/vNgZH7JbPpo