Internazzjonali

It-tipjip ħażin għas-saħħa….u jista’ jiswielek sentenza tal-mewt taħt l-ISIS

Il-grupp Stat Iżlamiku (ISIS) enfasizza l-mibgħeda tiegħu għal kull tip ta’ ‘vizzju soċjali’ fl-artijiet li qed jikkontrolla, b’rapporti jsostnu li, fis-Sirja, tħalliet ‘ir-ras maqtugħa ta’ raġel bis-sigarett ġo ħalq1u’ bħala twissija għal ħaddieħor.

Fil-fatt, il-vittma kien uffiċjal tal-ISIS fil-Lvant tas-Sirja, u l-qattiela tiegħu anki waħħlu nota, miktuba bl-Għarbi, mar-ras bil-messaġġ li ‘t-tipjip mhux aċċettat, Sur Sheik’.

Għalkemm ir-reliġjon tal-Islam jippermetti t-tipjip, l-interpretazzjoni primittiva tal-liġi Sharia, min-naħa tal-ISIS, tiddikjara l-vizzju bħala ‘sistema kajmana ta’ suwiċidju’ li hu assolutament ipprojbit fiz-zoni tiegħu.

Dan meta t-terroristi tal-ISIS jinsistu li n-nisa fl-inħawi li jikkontrollaw iridu jitgħattew bil-velu. Intant f’dawn iz-zoni huma pprojbiti l-mużika, l-alkoħol u l-pipi tal-hookah.

‘Kulmin ipejjep irid ikun konxju li, b’kull sigarett li jqabbad, qiegħed jilloppja ruħu u jintilef f’tip ta’ vanita li tmur kontra l-kelma ta’ Allah’, taqra silta min stqarrija tal-Uffiċċju tal-ISIS li jippriedka ‘l-veru rispett’ għall-Islam.

Hu minnu wkoll li l-elementi tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq ħarqu l-miljuni tal-pakketti tas-sigaretti biex jinfurzaw il-projbizzjoni għat-tipjip. Fl-istess ħin, it-terroristi ħatfu wkoll l-għelieqi fejn jikkultivaw il-ħaxixa minbarra li ċċirkolaw il-filmati fuq l-Internet li juru rġiel armati qed jitfgħu l-petrol fuq il-pjanti tal-ħaxixa qabel iqabbduhom.

Fl-artijiet ikkontrollati mill-ISIS hi ħaġa ‘normali’ li kulmin jabbuża l-projbizzjoni għat-tipjip jeħel minimu ta’ erbgħin daqqiet ta’ frosta. Madankollu, jidher li l-konsegwenzi għal persuna li tabbuża ‘ripetutament’ jistgħu jammontaw anki għal perijodi ta’ priġunerija minbarra li jwasslu għall-esekuzzjoni tal-individwu.