Filwaqt li l-pubbliku Malti ilu xhur iħallas iktar mill-medja Ewropea għal fuel, il-Prim Ministru Joseph Muscat infexx jattaka il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien qed jgħolli rasu sabiex jiġġieled din l-inġustizzja.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjoni tar-radju One meta attaka lil Busuttil u saħansitra għajjar l-atteġġjament tiegħu bħala ‘amateur‘.
Intant fuq l-istess kwistjoni tkellem Alfred A Farrugia, kelliem tal-Malta Automobile Club. Huwa fisser kif minkejja li Malta qed tagħti l-impressjoni li ġie ikkreat il-qafas legali sabiex jinħarġu l-licenzji ghall-importazzjoni, l-ħażna u l-bejgħ ta’ prodotti tal-petroleum, fir-realta’ dan mhux qed jissarraf, u l-kumpanija li waqqaf il-Gvern stess, l-Enemed, xorta qed tgawdi minn pożizzjoni dominati fis-suq Malti.
Farrugia jkompli billi jisħaq li huwa filfatt ċar li l-Enemed abbużat mill-pożizzjoni tagħha billi tħalliet toffri prezzijiet tal-fuel ghola minn dawk tal-20 stat memrbu tal-Unjoni Ewropea. Hu filfatt staqsa għalfejn l-Enemed tirrifjuta li tippublika t-tenders tagħha b’mod elettroniku.
Huwa interessanti wkoll, jgħid Farrugia, li f’din il-kwistjoni kollha, l-Awtorita’ Maltija tar-Riżorsi, kif ukoll l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, m’għamlu xejn biex jipproteġu l-interessi tal-konsumatur Malti.
Fl-istess waqt Farrugia jsaqsi kif jista’ jkun li Gvern li jsostni li jrid jgħin is-settur privat iħallieh jikkompetti ma’ kumpanija tal-Gvern li għandha pożizzjoni daqshekk dominati fis-suq Malti.
Fl-isfond ta’ dan, il-Malta Automobile Club qed jiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja biex jissottometti lment uffiċjali lill-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>