Lokali Saħħa

L-MUMN tistenna li l-Gvern iwettaq dak li wiegħed: iktar direttivi fl-isptarijiet Maltin

Iktar direttivi mill-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, u dan mhux minħabba kwistjonijiet ġodda, imma, fi kliem il-President tal-MUMN Paul Pace, minħabba li l-Unjin kienet imwiegħda li l-problemi se jkunu indirizzati. Minflok, s’issa dawn qas biss bdew jiġu indirizzati, u għalhekk il-Unjin hemm bżonn terġa’ tieħu azzjonijiet industrijali.

Dan kollu tħabbar mill-MUMN, li spjegat kif il-ħaddiema tas-saħħa fid-Dipartiment tal-Emerġenza qed ikollhom jixtru l-ilbies protettiv tal-isptar minn flushom, kontrarju għall-wegħda li kienet saret fl-2015. L-Emerġenza ilha għal żmien twil b’nuqqas ta’ carers, u mingħajr studju dwar ir-riskji involuti fil-ħidma f’dan id-Dipartiment, speċjalment fid-dawl tal-mod kif qed ikunu organizzati s-swali, bl-MUMN tqabbel is-sodod fil-kurituri “man-nies fi Triq ir-Repubblika, fil-belt Valletta waqt xi mass meeting”.

L-MUMN ikkummentat ukoll dwar in-nuqqas ta’ Bed Manager fid-Dipartiment tal-Emerġenza, li suppost ikun hemm 24 siegħa kuljum imma li lanqas biss jidher hemm għal siegħa waħda.

L-appell tal-MUMN lil awtoritajiet mhu li ma jiftħux iktar żoni f’dan id-dipariment imma li jfittxu li jtejjbu l-kundizzjoni tiegħu bħalissa. Min-nhar it-Tlieta, l-ebda nurse mhu se tkun qed tgħin biex jintraċċaw il-pazjenti fl-Emerġenza, u mit-3 ta’ Marzu, l-infermiera se jieqfu milli jikklasifikaw il-pazjenti skont l-urġenza tal-emerġenza tagħhom.

L-MUMN appellat ukoll lil infermiera li jaħdmu fil-wards tal-isptarijiet, fosthom li ma jħallux dħul ta’ pazjenti fil-wards jekk ma jkunx hemm biżżejjed infermiera biex jagħtu lil pazjenti l-attenzjoni li għandhom bżonn jingħataw, filwaqt li l-ebda infermiera mhu se tkun qed tħalli l-ward tagħha biex twettaq xi proċedura jew takkumpanja lil pazjenti.

Iktar direttivi: ic-Charge Nurse u d-Deputy tiegħu mhux se jibqgħu jagħmlu xogħol tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani billi jżommu kont tal-leave tal-infermiera tagħhom. Direttiva oħra, li l-infermiera ma jħallux iktar pazjenti tal-ortopedija jiddaħħlu f’wards li mhumiex dedikati għalhekk, meta l-ward tal-ortopedija għandu 15-il sodda vojta.

Intant, l-MUMN fakkret f’direttivi eżistenti diġa’, fosthom li ma jiktbux incident reports, li ma jinvolvux ruħhom f’discharge letters jew f’covering letters u li ma jaċċettawx pazjenti ġodda fil-wards wara l-5 ta’ filgħaxija.

L-MUMN appellat lil infermiera biex jinjoraw kull memo li jafu jirċievu mill-awtoritajiet ta’ Mater Dei, u biex jobdu dawn id-direttivi.

L-istqarrija tgħid li l-MUMN issa trid tara li tittieħed azzjoni fuq dawn il-problemi, mhux jiġu organizzati l-festini għall-ħaddiema jew inkella jingħad kliem sabiħ fuq il-mezzi tax-xandir.