Lokali

Omm oħra tikkonferma traffikar ta’ droga fil-beraħ… minkejja rapporti konsistenti lill-pulizija taż-Żurrieq

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Matul din il-ġimgħa il-mument tkellem ma’ omm oħra li l-ewwel għamlet kuntatt mal-gazzetta bit-telefown, u hekk kif iltqajna magħha rrakkontat kif fl-inħawi ta’ skola f’Ħal Safi sa ftit tal-jiem ilu – qabel ma kienet żvelata l-istorja ta’ traffikar ta’ droga ‘bi protezzjoni’ minn pulizija – kien isir traffikar regolari ta’ droga.

Hi qalet ukoll li ġieli għamlet kuntatt mal-pulizija fl-Għassa taż-Żurrieq li jgħidulha li jafu bil-każ u li qed jinvestigaw. “Imma dak fil-karozza jittraffika d-droga kien u sa ftit ilu fil-karozza jittraffika d-droga baqa’.”

Din il-mara qalet li bosta huma dawk li milli jidher jafu tajjeb lil dan it-traffikant tad-droga li jmexxi d-droga qrib ħanut tax-xorb f’Ħal Safi. L-istess persuna – bl-inizjali J.A. – ta’ spiss tiftaħar li ħadd ma jista’ għaliha u li xi pulizija saħansitra jagħtuha l-protezzjoni għax għandha l-ħbieb fil-Korp.

Dan l-iżvilupp ġdid seħħ proprju meta l-ġurnal In-Nazzjon f’nofs din il-ġimgħa ppubblika rapport kif il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kien daħal direttament hu f’dan il-każ ta’ allegat traffikar ta’ droga qrib skola f’Ħal Safi kif żvelat minn il-mument nhar il-Ħadd li għadda.

Bħal-lum ġimgħa, il-mument ippubblika ittra mibgħuta minn omm, li għażlet li ma tidentifikax lilha nnifisha u li qalet li tinsab tassew imnikkta li rapporti persistenti dwar traffikar ta’ droga li saru fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq għal xi raġuni waqgħu fuq widnejn torox.

Qalet li dan bir-riżultat li mhux talli ma ttiħdux passi fil-konfront tal-allegati traffikanti tad-droga, talli l-istess traffikanti jidher li għandhom saħħa u protezzjoni kbira biex jiġġestixxxu n-negozju tagħhom tal-bejgħ ta’ droga saħansitra fil-viċinanzi tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi u fejn hemm ukoll il-bandli li jkun iffrekwentat mit-tfal.

Fid-dawl ta’ dak ir-rapport, tkellimna mal-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li wiegħed investigazzjoni immedjata anki bis-sehem tiegħu dwar dan kollu. Isem Michael Cassar hu sinonimu mal-ġlieda kontra d-droga u hu stess assigurana li se jagħmel dak kollu possibbli biex abbużi bħal dawn jinqatgħu immedjatament. Qalilna li l-ġlieda kontra d-droga ma ssirx biss mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, imma minn kull membru ieħor bl-uniformi, hu fejn hu, li għandu d-dover li jassigura li t-toroq tagħna jkunu nodfa mit-traffikanti u d-droga.

L-għada li ppubblikajna dan it-tieni rapport, jiġifieri issa f’nofs din il-ġimgħa, tkellmet magħna omm li ċemplitilna u kkonfermat li anki hi ġieli għamlet rapporti fl-Għassa taż-Żurrieq iżda għal xi raġuni dawn ir-rapporti ma ħallewx riżultati pożittivi.

“Jista’ jkun li jkunu qed jaħdmu minn taħt u forsi jagħmlu xogħol ta’ osservazzjoni, iżda ma nistax nifhem kif persuna partikulari f’karozza partikulari titħalla daqstant fit-tul tibqa’ tittraffika d-droga b’perikli kbar għal uliedna,” qalet din l-omm li eventwalment ġiet fl-uffiċċji tagħna u b’kunfidenzjalità kellmitna dwar il-problema tad-droga fl-inħawi, fosthom ukoll f’ċerti ħwienet tax-xorb u f’postijiet oħra ffrekwentati miż-żgħażagħ.

Hi qalet li l-iskop tagħha hu ġenwin u kulma trid hu li l-pulizija jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex min qiegħed jeqred lit-tfal ta’ Ħal Safi u postijiet oħrajn biex iħaxxen butu minn fuq id-droga, jinqabad u jkun ipproċessat.