Lokali

Prova jidħol fl-appartament mill-gallerija u waqgħet bih

Dalgħodu raġel ta’ nazzjonalita’ barranija prova jidħol f’appartament f’San Ġiljan, fl-inħawi ta’ Paceville, iżda l-gallerija sfrundat bih u spiċċa waqa’ sular għoli.

Dan kollu seħħ fi Triq Paceville, proprju fil-kantuniera fuq stabbiliment tal-ikel,  bil-barrani jipprova jidħol fl-appartament ta’ fuq dan l-istabbiliment billi jixxabbat mal-qafas li jiddekora l-bieb ta’ barra tal-istabbiliment. Jidher li l-barrani kien jaħdem mal-istess stabbiliment u kellu jagħmel dan wara li nesa ċ-ċavetta tal-appartament.

Gallarija Paceville

Iżda malli żamm mal-gallarija, għal xi raġuni, il-balavostri tagħha ċedew, bil-konsegwenza li partijiet mill-gallerija sfrundaw u l-barrani spiċċa waqa’ sular għoli b’lura.

Fortunatament, minkejja li kiser saqajh, il-barrani jinsab f’kundizzjoni tajba.

Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.