Lokali

Razzett antik mixtri mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg jitwaqqa’ f’ħakka t’għajn

Dak li il-mument żvela fil-ħarġa tal-ġimgħa li għaddiet meta ħabbar li s-Segretarju Parlamentari Laburista Ian Borg kien xtara razzett antik fuq Wied Liemu fejn hemm raba’ saqwi b’xena pittoreska bl-iskop li l-binja antika titwaqqa’ biex flokha ssir spekulazzjoni ta’ żewġ appartamenti kbar, beda jseħħ. Illum minn dan ir-razzett antik ma fadal xejn għajr borġ terrapien.

It-twaqqigħ tal-binja seħħ b’għaġla l-għada filgħodu li kienet żvelata l-istorja
Fil-jiem li għaddew inġenji kbar ta’ kuntrattur privat twasslu fl-inħawi u bdew ix-xogħol indikat lilhom – jiġifieri t-twaqqigħ tar-razzett l-antik li hemm fuq ir-raba’ antikament magħruf bħala Tad-Daħla, jew Ta’ Srajġu jew Il-Musmar.
Tmint ijiem wara li żvelajna din l-istorja nhar il-Ħadd li għadda, kemm is-Segretarju Parlamentari Laburista Ian Borg, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, ewlenija fosthom il-MEPA, baqgħu siekta għalkollox u ma għamlu l-ebda reazzjoni u ma ħarġu l-ebda ċaħda.
Mhux magħruf jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja – li hu responsabbli wkoll mill-MEPA u li fi żmienu saret l-applikazzjoni u nħareġ saħansitra l-permess – talabx aktar informazzjoni u spjegazzjonijiet dwar dan il-każ serju.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jista’ jkun imdarras minn sitwazzjoni ta’ ħabi fejn membru tal-Kabinett, li hu wkoll is-Segretarju Parlamentari Responsabbli mill-Fondi Ewropej u tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017, hu involut f’dan il-każ ta’ ħabi u nuqqas ta’ trasparenza li qed iqajjem mistoqsijiet u suspetti kbar, speċjalment meta wieħed iqis li Ian Borg hu responsabbli għal nefqa ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li jammontaw għal elf miljun ewro.

Kollox kien imħejji biex isir it-twaqqigħ
Dan ix-xogħol ta’ twaqqigħ seta’ jkun possibbli wara li fil-ġimgħat ta’ qabel l-istess razzett antik saritlu ħidma ta’ tbattil mill-oġġetti li kien fih. Barra minn hekk, l-istess binja tneħħitilha wkoll kull konnessjoni ta’ wajers tal-elettriku meta fil-post intbagħat tim ta’ ħaddiema mill-Korporazzjoni Enemalta li għamel il-binja sikura għal skop ta’ twaqqigħ.
Fl-istess waqt, parti mill-binja ddawret ukoll b’ċint ta’ briks li nifhmu li sar minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Meta il-mument żar il-post, ġirien tal-binja qalulna li fil-fatt dan iċ-ċint tal-briks ittella’ minn xi ħaddiema “suwed” li ttieħdu hemmhekk biex jagħmlu dan ix-xogħol.
Eventwalment ma’ dan iċ-ċint twaħħlu wkoll dokumenti li juru l-permess tal-MEPA maħruġ nhar id-9 ta’ Diċembru li għadda – permess għal żvilupp ta’ twaqqigħ ta’ kmamar li kienu jiffurmaw razzett antik biex minflokhom jittellgħu żewġ appartamenti lussużi b’veduta esklussiva u spettakolari tal-Wied Ta’ Liemu li twassal sa Ħad-Dingli, l-istess raħal li fih joqgħod Ian Borg, eks-Sindku tal-istess lokalità. Il-permess u l-applikazzjoni għandhom in-numru PA2708/14.

Mir-razzett l-antik ma fadal xejn
Ġirien li tkellmu ma’ il-mument fissru li issa minn dan ir-razzett antik ma fadal assolutament xejn u huma jibqgħu xxukkjati bil-fatt li filwaqt li Ian Borg ingħata l-permessi għat-twaqqigħ u l-iżvilupp massiv ġdid ta’ żewġ appartamenti ġodda, hemm min fosthom li l-MEPA qalgħetlu qalbu biex ikun jista’ jagħmel xogħlijiet ferm aktar minuri iżda essenzjali, fosthom ħitan tas-sejjieħ fir-raba’.
Bdiewa tal-inħawi enfasizzaw li ma jistgħux jifhmu kif il-MEPA fir-rigward ta’ Ian Borg ħarġet il-permessi kollha f’qasir żmien – f’perjodu ta’ sitt xhur biss – filwaqt li sid preċedenti meta ried jagħmel żvilupp ta’ residenza waħda fuq l-istess sit, il-MEPA, sentejn qabel, mhux biss qalgħetlu fwiedu, iżda baqgħet ma ħarġitlux il-permess mixtieq minnu.

Suspetti għax il-permessi nħarġu fuq terzi persuni
L-istess bdiewa huma skantati kif Ian Borg, għal xi raġunijiet li apparentement jafhom hu biss, għażel li l-permessi relatati ma’ dan l-iżvilupp ma jinħarġux f’ismu. Huma jafu tajjeb li din il-proprjetà nxtrat minn Ian Borg, iżda mbagħad l-applikazzjonijiet quddiem il-MEPA saru minn ċertu Renald Azzopardi residenti fiż-Żejtun.
Dan kollu, komplew l-istess bdiewa, iqanqal ċerti suspetti u mistoqsijiet serji dwar trasparenza, fis-sens ta’ x’wassal lil Ian Borg li flok ma jidher hu direttament, jagħżel persuna terza għal dan l-iskop. Jekk kollox hu sew, kif suppost, u ma hemm l-ebda abbuż, allura għaliex dan il-ħabi u paraventi f’sitwazzjoni bħal din? “Jekk ma hemm xejn ħażin għaliex dan il-ħabi kollu?”

Kien hemm rakkomandazzjoni biex l-applikazzjoni tkun rifjutata
Il-Kumitat tal-Wirt Naturali u Nazzjonali tal-MEPA, skont il-minuti tal-laqgħa tat-12 ta’ Settembru tal-2014, irrakkomanda li din l-applikazzjoni kellha tkun rifjutata.
L-istess Kumitat “innota li dan ir-raħal żgħir u rurali, qiegħed gradwalment jiġi ri-żviluppat f’zona ta’ appartamenti moderni li qed ibiddlu kompletament il-karattru rurali ta’ din iz-zona u tal-pajsaġġ tal-madwar.”