Mara ta’ madwar 30 sena dalgħodu kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seta’ kellu konsegwenza ferm aktar gravi.
Dan wara li l-mara nstabet rieqda ġewwa l-karozza tagħha fil-Floriana fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, fil-viċinanzi tal-Iskola Primarja Lorenzo Manche fi Triq Vincenzo Dimech.
Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ u marru fil-post, fejn sabu lil vettura mal-ġenb tat-triq, bir-roti ta’ wara maqtugħin mill-art, tant li l-vettura kienet se taqa’.
Malli raw dan, il-Pulizija pruvaw joħorġu lil mara mill-vettura iżda din bdiet tkeċċihom u toffendihom bi kliem oxxen. Dan filwaqt li kellha fuqha riħa qawwija ta’ xorb.
Eventwalment, minħabba biża’ li tinqaleb il-vettura bis-sewwieqa ġo fiha, huma irnexxielhom joħorġu lil persuna u nżammet mill-Pulizija għal aktar investigazzjoni.
Fl-istess ħin, ġew kuntattjati l-qraba tagħha, li marru fil-post u pruvaw jgħinnu lil Pulizija jikkalmawha.
Hi ntbagħtet lura d-dar mal-qraba tagħha, filwaqt li l-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar kif se tipproċedi f’dan il-każ.
//= $special ?>