Il-Kap tas-Sigurta Interna (Homeland Security) fl-Istati Uniti wissa lill-Amerikani biex joqgħodu attenti wara li grupp terroristiku rinomat ħareġ theddida speċifika fil-konfront tal-‘Mall of America’, li hu wieħed mill-akbar ċentri kummerċjali f’dan il-pajjiż.
L-Uffiċjal inkwistjoni, Jeh Johnson, qal li qed jieħu bis-serjeta t-theddida tal-grupp Al-Shabab; li l-militanti tiegħu huma sieħba tal-Al-Qaida u li għandhom il-bażi fis-Somalja.
Dan wara li l-grupp ħareġ filmat fejn iħeġġeġ lis-sostenituri militanti biex jattakkaw ċentri kummerċjali fl-Istati Uniti, minbarra oħrajn fil-Kanada u r-Renju Unit.
Johnson spjega li t-theddida hi parti minn ‘fażi ġdida tat-terroriżmu’ fejn l-attakki potenzjali għandhom jieħdu ħsiebhom numru ta’ elementi indipendenti f’pajjiżhom ta’ oriġini.
Il-grupp Al-Shabab kien responsabbli għall-attakk tal-2013 fuq il-kumpless kummerċjali ta’ Westgate, f’Najrobi, fil-Kenja, fejn talanqas 67 persuna sfaw maqtula brutalment mill-militanti armati.
//= $special ?>