Formula 1 Sport

Alonso jinżamm għal osservazzjoni

FORMULA 1 – Is-sewwieq Spanjol tal-Formula 1 Fernando Alonso qed jirkupra tajjeb ħafna juma wara inċident li kellu waqt sessjoni ta’ testing.

It-tim tal-McLaren ħabbar ukoll li d-darbtejn Champion kien għamel analiżi kompluta u dettaljata u r-riżultati kienu normali.
It-tim żied jgħid li l-inċident kien dovut għal buffura qawwija ta’ riħ u ma kienx hemm l-ebda prova li l-karozza kellha ‘xi tip ta’ ħsara mekkanika’.

L-Ispanjol ta’ 33 sena li għadda l-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn fl-isptar ġenerali ta’ Katalunja inżamm ukoll l-isptar għal aktar osservazzjoni.

Alonso ħabat bil-McLaren fil-parti ta’ ġewwa tal-ħajt protettiv tat-tielet kantuniera. Hu jinsab akkumpanjat mill-ġenturi tiegħu u l-manager Luis Garcia Abad li poġġa ritratt fuq il-media soċjali ta’ Alonso jitbissem bil-kliem ‘Ħin l-ikel. Grazzi tal-appoġġ.’

Il-Ġermaniz tal-Ferrari Sebastien Vettel li kien wara Alonso qal li ra l-karozza tagħmel moviment stramb tispiċċa fil-ħajt b’veloċità ta’ madwar 90 km fis-siegħa u wara ftit sekondi fil-karozza, Alonso kien megħjun joħroġ u ngħata injezzjoni ta’ kalmant għaliex kien aġitat ħafna.

“Il-karozza ħarġet il-barra fit-tielet kantuniera li hi tela’ veloċi u spiċċat fuq it-turf artifiċjali. Minħabba f’hekk tilfet it-traction u ħolqot angolu ta’ nstabbilità li reġgħet xeġtitha lura fit-track fejn reġgħet sabet it-traction u spiċċat mal-ġenb tal-ġħajt,” spjegaw il-McLaren fi stqarrija.