Internazzjonali

Beijing ma jridx li t-toroq jissemmew għall-barranin

L-awtoritajiet komunisti f’Beijing, il-kapitali taċ-Ċina, m’humiex se jaċċettaw aktar li t-toroq tal-belt jissemmew għall-politiċi Ċiniżi inkella għall-barranin distinti.

Ir-regoli ġodda, li tressqu għall-konsultazzjoni tal-pubbliku, joffru ‘road map’ uffiċjali dwar kif għandhom jissemmew it-toroq, il-pontijiet, il-parks u l-istazzjonijiet tal-ferrovija taħt l-art fl-inħawi ta’ Beijing.

Skont il-ktieb tar-regoli li fasslu l-akkademiċi fl-Universita ta’ Peking, l-ismijiet ‘vulgari’ għandhom jitwarrbu u jintgħażlu minflok l-ismijiet ‘eleganti u xierqa’ għat-toroq.

Ir-regoli ma jippermettux li t-toroq jissemmew għall-kapijiet politiċi lokali inkella għall-barranin jew postijiet ‘il hinn miċ-Ċina. ‘L-ismijiet moderni tan-nies’ huma wkoll ipprojbiti, bid-dokument inkwistjoni jindika r-relazzjoni kkumplikata ta’ Beijing mal-minoranzi etniċi u l-komunitajiet reliġjużi fil-pajjiż.