Il-ħaddiema li qed jagħtu għajnuna umanitarja biex jiġġieldu l-virus tal-Ebola fil-Ginea, qed jiġu taħt medja ta’ 10 attakki fix-xahar.
Il-Kumitat Internazzjonali tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar (ICRC) qalet li l-aħħar attakk seħħ nhar il-Ħadd meta żewġ voluntiera mill-Ginea stess sfaw attakkati minn nies tal-post. Iż-żewġ voluntiera kienu qed jippruvaw jidfnu persuni skont standards ta’ iġene u sigurtà iżda n-nies tal-post ma riedux. Il-prattiċi tad-dfin hi waħda mill-kawżi tat-tixrid tal-virus tal-Ebola għalkemm iċ-ċittadini tal-Ginea u pajjiżi oħra bħal-Liberja qed iqisu l-‘indħil’ barrani bħala r-raġuni għaliex il-virus qed jinxtered.
Waqt li l-attakki ġew ikkundannati mill-President tal-ICRC, dan qal li mhux se jiġu intimidati u l-ħaddiema li qed jagħtu għajnuna umanitarja se jibqgħu fil-post sakemm hemm bżonn.
Is-sena li għaddiet, tmien ħaddiema umanitarji spiċċaw inqatlu fil-Ginea stess.
Il-President tal-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, ħabbar li l-pajjiż se jirtira lis-suldati kollha mil-Liberja, ħlief 100, li se jitilqu sa April li ġej. Fl-eqqel tal-epidemija kien hemm madwar 2,800 suldat imma madwar 1,500 diġà ħallew ir-reġjun. Madankollu, se jibqa’ madwar 10,000 persuna ċivili biex ikomplu jgħinu fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus.
Minn kemm ilu li nxtered il-virus tal-Ebola fil-Ginea f’Diċembru tal-2013, f’dan il-pajjiż waħdu mardu madwar 23,000 persuna u 9,000 minnhom mietu.
//= $special ?>