Internazzjonali

Il-Gvern Awstraljan iħabbar passi kontra dawk b’ċittadinanza doppja suspettati ta’ terroriżmu

Il-Prim Ministru Awstraljan, Tony Abbott, ħabbar inizjattiva għal kriterji aktar ibsin li jirrigwardaw il-liġijiet taċ-ċittadinanza, f’kampanja biex l-awtoritajiet ‘jikkonfrontaw’ lir-residenti tal-pajjiż li qed jinċitaw il-mibegħda.
Dan jinkwadra wkoll fit-tentattiv tal-Gvern biex irażżan lill-estremisti domestiċi. Abbott qed iwissi li r-residenti b’nazzjonalità doppja li jinqabdu jgħinu lit-terroriżmu jistgħu jkollhom iċ-ċittadinanza Awstraljana sospiża inkella jitilfu d-dritt taċ-ċittadinanza. Sadanittant, iċ-ċittadini mwielda l-Awstralja jistgħu jitilfu xi privileġġi f’każ li jiksru l-liġijiet kontra t-terroriżmu.
L-impenn qed isir wara li uffiċjali wissew li l-Awstralja qed tiffaċċja theddida akbar għas-sigurtà mill-estremisti Iżlamiċi. Fil-fatt, l-awtoritajiet jaħsbu li għexieren ta’ ċittadini Awstraljani qed jiġġieldu favur il-kawża qattiela tal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS) fl-artijiet tal-Iraq u fis-Sirja.
Fl-istess ħin, l-esperti qed jinkwetaw dwar ir-ritorn fl-Awstralja ta’ dawn l-estremisti u l-effetti sussegwenti għas-sigurtà domestika. Qed iqanqlu wkoll l-inkwiet is-sostenituri ta’ dawn il-ġellieda radikali li wkoll huma residenti fl-Awstralja.