Qorti

Il-Ministru Konrad Mizzi jiċħad li kellu relazzjoni mal-PR tiegħu Lindsay Gambin

Fil-Qorti tal-Maġistrati, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ċaħad li huwa qatt kellu xi relazzjoni mal-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi tiegħu Lindsey Gambin, waħda mill-ex ġurnalisti ta’ One li spiċċaw jaħdmu ma’ diversi Ministri tal-Gvern. Huwa qal li anzi, ir-relazzjoni tiegħu ma’ martu Sai Mizzi Lang hija waħda b’saħħitha.

Mizzi kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale hekk kif kompliet tinstema’ l-kawża ta’ libell li huwa u martu ppreżentaw kontra l-artikolista Daphne Caruana Galizia, wara li fis-7 ta’ Novembru 2014, fuq il-blog tagħha, allegat li huwa u Gambin kellhom relazzjoni.

Il-Ministru Mizzi għamilha ċara li jifhem li bħala politiku jiġi iffaċċjat minn kritika u rrimarka li ħafna drabi jaċċettaha, anke jekk ma tkunx ġusta jew leġittima, madanakollu f’dan il-każ, fi kliemu, “the line was crossed” (il-linja nqabżet) u Caruana Galizia attakkat personalment lilu u lil familtu b’artiklu ibbażat fuq gidba.

Mizzi ċaħad li qatt kellu jew għandu xi relazzjoni ma’ Gambin u qal li l-unika relazzjoni li teżisti bejniethom hija dik professjonali peress li hija tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi, il-‘policy development’ u l-implimentazzjoni tal-proġetti li għalihom huwa responsabbli hu.

Huwa ċaħad ukoll li ftit tal-jiem wara li ħa l-ġurament bħala Ministru, telaq mid-dar matrimonjali u mar jgħix għal rasu f’Tas-Sliema. Sostna li d-dar f’Tas-Sliema hija tiegħu u ta’ martu flimkien kif huma wkoll proprjetajiet oħra li għandhom.

Mizzi ċaħad ukoll li f’jum imsemmi minn Caruana Galizia kien fis-Cigar Room tal-lukanda Hilton jitgħannaq u jitbewwes ma’ Gambin u ddeskriva din l-allegazzjoni tal-artikolist bħala “gidba lil hinn mill-immaġinazzjoni”.

Waqt li saħaq li fil-jum imsemmi la huwa u lanqas Gambin ma kienu fil-post li semmiet Caruana Galizia, il-Ministru għall-Enerġija u Saħħa żied li ġieli kien hemm okkażjonijiet fejn filgħaxija kienu fuq ‘business meeting’ imma magħhom kien hemm nies oħra.

Huwa rrefera wkoll għal okkażjoni fejn hu u Gambin kienu fis-Cigar Room tal-Hilton madankollu ċċara li la kien fil-jum li semmiet Caruana Galizia u lanqas kien hemm bews u tgħannieq bejniethom, għax kienu ma’ persuni oħrajn fuq xogħol.

Mizzi ċaħad ukoll li Gambin marret miegħu għal żjara fiċ-Ċina u sostna li minkejja li x-xogħol tagħha bħala PR tista’ ssiefer fuq xogħol, Gambin, qatt ma’ marret Beijing.

Wara l-Ministru Mizzi tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Sai Mizzi Lang, u qal li flimkien għandhom żewġt itfal. Iddeskriva r-relazzjoni tagħhom bħala waħda tajba fejn it-tnejn jinsabu kuntenti u għalkemm martu qed tgħix f’pajjiż ieħor, jaraw lil xulxin ta’ spiss.

Mizzi rrefera wkoll għall-kuntratt li għandha martu u qal li dan kien ippubblikat fil-Parlament qabel deher l-artiklu ta’ Caruana Galizia li fih issemmi l-istess kuntratt. Mizzi qal li huwa fetaħ il-kawża ta’ libell għax Caruana Galizia ppruvat tagħmel il-ħsara lilu kemm bħala raġel miżżewweġ, u ma jridx li martu jkollha dubji fih, kif ukoll bħala politiku u rappreżentant tal-Gvern għax fin-nofs hemm ir-reputazzjoni tiegħu.

Il-Ministru Mizzi kompla jgħid li huwa jaħdem ta’ kuljum ma’ Gambin u qal li m’għandux għalfejn iħossu skomdu b’dan il-fatt. Għal Konrad Mizzi qed jidher l-Avukat Aaron Mifsud Bonnici filwaqt li l-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Caruana Galizia.

Lindsey-Gambin-1