Il-kumpaniji li ma jevitawx l-evażjoni tat-taxxa jistgħu jiffaċċjaw il-penali ħorox, bħala parti minn pjan li ħabbar Danny Alexander; is-Segretarju Ewlieni tat-Teżor u membru tal-Partit Liberali Demokratiku fil-Gvern.
Alexander qed jaħseb biex jintroduċi sistema li tiddikjara bħala ‘reat’ kwalunkwe sitwazzjoni fejn kumpanija ma tieħux azzjoni biex twaqqaf aġir illegali fil-qasam ekonomiku.
Fil-fatt, is-Segretarju Britanniku, waqt intervista fuq il-programm ‘Andrew Marr show’, qal li jrid li l-organizzazzjonijiet li jinkoraġġixxu jew jiffaċilitaw l-evażjoni tat-taxxa jiffaċċjaw l-istess penali bħal dawk li jippruvaw jiżgiċċaw mill-obbligu li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom.
L-azzjoni proposta ħarġet wara l-allegazzjonijiet li l-Bank tal-HSBC kien involut f’‘sistemi’ li jgħinu lill-individwi sinjuri biex jevadu t-taxxa.
Aktar kmieni dan ix-xahar ħarġu rapporti li l-HSBC, allegatament, għen lil mijiet ta’ nies biex ma jħallsux it-taxxa fir-Renju Unit, u li dan seta’ jseħħ bl-użu tal-kontijiet moħbija tal-HSBC fil-belt ta’ Ġinevra, fl-Iżvizzera.
L-eksdirettur tas-servizzi għall-prosekuzzjoni pubblika, Lord Ken Macdonald, qal li l-Bank HSBC ippermetta sitwazzjoni fejn jistgħu jitressqu l-akkużi kriminali fil-konfront tiegħu, fir-Renju Unit. Hu qal ukoll li hemm ‘bażi qawwija’ biex l-awtoritajiet relevanti jinvestigaw lill-istess bank talli pprova jqarraq bid-Dipartiment Doganali u tat-Taxxa, fl-istess pajjiż.
IR-RENJU UNIT: Lejn penali ħorox għall-evażjoni tat-taxxa
