Qorti

Konrad Mizzi jiċħad li jaf lil Louis Attard “mixli b’rabta mal-każ tal-smart meters”

F’kawża oħra ta’ libell li kellu l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, hu ċaħad li jaf lil Louis Attard, wieħed mill-persuni li qed jiffaċċjaw akkużi fil-Qorti tal-Maġistrati b’rabta mal-każ tal-ismart meters u s-serq tal-elettriku. Attard huwa impjegat tal-Enemalta.

Mizzi qal dan meta kien qed jixhed kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u d-Deputat Nazzjonalista George Pullicino. Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, Mizzi xehed li Attard mhux persuna viċin tiegħu u li lanqas huwa mid-distett tiegħu.

Qal li meta huwa ngħata l-kariga ta’ Ministru responsabbli mill-enerġija, Attard kien diġà uffiċjal mal-Enemalta u l-promozzjonijiet li ngħata saru taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Tenna li l-kumment tal-Kap tal-PN fuq il-programm “Dissett” ta x’jifhem li Attard hu qrib tiegħu u sostna li Busuttil ipprova jallega li fil-konfront ta’ Attard, ittieħdu proċeduri inqas milli kellhom jittieħdu biex jaġevolawh.

Il-Ministru Mizzi qal li huwa la qatt ma kellem lill-Pulizija dwar dan il-każ u lanqas għamel xi pressjoni fuq xi ħadd b’rabta mal-akkużi li nħarġu fil-konfront ta’ Attard, kif seta ingħata x’jifhem mill-kelliema tal-PN.

F’dan il-każ għal Mizzi deher l-Avukat Aaron Mifsud Bonnici filwaqt li l-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għall-Kap tal-PN Simon Busuttil u għal George Pullicino.