Ir-Royal Mint fir-Renju Unit spiċċa suġġett għall-kritika minħabba ‘wallet’ kommemorattiv bit-tema ‘Battle of Britain’ li jinkludi numru ta’ ineżattezzi storiċi.
Il-‘Battle of Britain’ kien wieħed mill-aktar perijodi deċiżivi tat-Tieni Gwerra fejn ir-Renju Unit — grazzi għall-ajruplani tar-Royal Air Force (RAF) — irreżista għall-attakki kontinwi tal-qawwiet tal-‘Luftwaffe’, waqt li spikkat ‘ix-xita tal-bombi’ fuq l-ibliet Britanniċi.
Intant, il-‘wallet’ inkwistjoni, li juri munita ta’ 50 pence, kien prodott għall-kollezzjonista u jimmarka l-75 anniversarju tal-‘Battle of Britain’ li seħħ matul is-sajf tal-1940.
Il-munita, iddisinjata mill-iskultur, Gary Breeze, fiha d-dettalji ‘preċiżi’ u turi tliet piloti qed jiġru lejn l-ajruplani tagħhom waqt li fuqhom tispikka sema mimlija bl-ajruplani tal-gwerra.
Iżda l-preżentazzjoni fuq il-‘wallet’ turi mudell ta’ ajruplan ‘Spitfire’ li l-qawwiet tal-ajru Ingliżi kienu daħħlu fis-servizz proprju sentejn wara li spiċċat l-‘Battle of Britain’. Il-marki fuq l-ajruplan ma ntużaw qatt waqt din il-battalja, bil-‘wallet’ juri wkoll ‘squadron’ ta’ ajruplani li kien għadu mhux iffurmat fl-1940.
Jaħsbu li nbiegħu l-eluf ta’ dawn il-muniti bil-pakki kommemorattivi li jfakkru din il-battalja storika; b’kull wieħed jiswa tmien liri Sterlina (kważi 11 il-ewro).
//= $special ?>