Eżempju tal-mod ħażin u żlugat li bih qed jitmexxa l-ITS
Kunsilliera Laburista f’Tas-Sliema, reġistrata bħala full-time fi skala sitta u li kellha tidħol lura mil-leave tal-maternità f’Jannar ta’ din is-sena fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, (ITS), baqgħet ma daħlitx lura fil-grad li kienet fih qabel, iżda xorta baqgħet titħallas bħala full-timer.
Filwaqt li ma rrappurtatx lura x-xogħol fiż-żmien li kellha tagħmel dan, il-kunslliera Laburista dehret fil-media bħala kunsilliera fil-lokalità. Jirriżulta wkoll li l-kunsilliera Laburista mhix qiegħda fuq sick leave jew b’leave estiż.
Dan żvelah fil-Parlament il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, meta fil-ħin tal-Aġġornament illejla ta eżempji tal-mod ħażin u żlugat li bih qed jitmexxa l-ITS.
Dwar dan il-każ, Antoine Borg qal li jirriżulta wkoll li l-ġimgħa li għaddiet l-istess kunsilliera Laburista rrappurtat għal sitt sigħat xogħol bħala lecturer fl-ITS, iżda mhux fl-iskala li kienet taħdem fih. Staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu responsabbli mill-ITS, jafx b’xi arranġament dwar il-kundizzjonijiet tal-kunsilliera Laburista b’impjieg fl-ITS.
Antoine Borg spjega li dan hu eżempju ieħor flimkien ma’ dak li kien tkellem dwaru l-ġimgħa li għaddiet ukoll fil-Parlament, li jirrigwarda kunsillier ieħor Laburista fil-fergħa tal-ITS, fil-Qala f’Għawdex, b’impjieg ukoll full-time għal tliet lectures fil-ġimgħa għal seba’ studenti, meta fl-ITS f’Malta għall-istess kors tas-seba’ studenti f’Għawdex, m’hemmx lecturers biżżejjed bil-kwalifiki meħtieġa.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li dan mhux mod kif jitħaddmu r-riżorsi f’istituzzjoni importanti bħalma hu l-ITS li għandha bżonn amministrazzjoni effettiva.
Antoine Borg ikkritika din it-tmexxija tal-ITS, fejn qal li nies tal-qalba magħrufa qed igawdu minn arranġamenti speċjali askapitu ta’ istituzzjoni importanti fl-industrija tat-turiżmu.
Semma wkoll eżempji oħrajn ta’ tmexxija ħażina fl-ITS, b’nuqqas ta’ riżorsi fil-librerija għal diversi xhur u postijiet vaganti oħrajn bħalma hu l-Financial Manager li għadu ma mteliex.
Semma wkoll każ ieħor li seħħ fl-ITS meta tfajla weġġgħet u ttieħdet f’ċentru tas-saħħa mingħajr ma kienu infurmati l-ġenituri jew il-persuni li jieħdu ħsiebha.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni ta eżempju ieħor ta’ dak li fisser bħala tmexxija żlugata tal-ITS b’rabta mal-għażla u l-proċedura tal-istudenti li jintbagħtu għal esperjenzi fl-industrija tat-turiżmu barra minn Malta.
Fisser li qed jitqanqlu ħafna mistoqsijiet kif qed jintgħażlu l-postijiet biex imorru l-istudenti tal-ITS, u appella lill-Ministru jidħol fil-mod kif qed isir dan.
Semma wkoll li filwaqt li l-istudenti kienu jiġu lura Malta fil-ħin biex jibdew sena skolastika oħra, semma kif din is-sena se jkun hemm għadd ta’ studenti li jaslu lura lejn l-aħħar ta’ Ottubru u fil-bidu ta’ Novembru bil-konsegwenza li jitiflu ċ-ċans li jibdew sena skolastika oħra. Dan ikun ifisser li flok esperjenza li ssaħħaħ lill-istudenti, qed tingħata esperjenza b’ħafna mistoqsijiet u bi studenti li jkollhom jieqfu għal perjodu ta’ xhur mill-istudji tagħhom.
Antoine Borg saħaq li dawn huma eżempji li qed jibagħtu messaġġ ħażin, u li qed jirriflettu l-mod żlugat kif qed jitmexxa l-ITS waqt li appella għal serjetà fit-tmexxija tal-ITS.
Antoine Borg sellem lill-ħaddiema kollha fl-industrija tat-turiżmu li fissirhom bħala pilastru importanti fit-tisħiħ tal-prodott turistiku u ta’ pajjiżna. Appella lill-Gvern u lit-tmexxija tal-ITS biex ma jħallux lill-ITS nieqes mir-riżorsi, u jsir investiment b’serjetà mingħajr mismanagement u abbużi.
Filwaqt li sellem ukoll lill-eks-Ministru Nazzjonalista Michael Refalo li bena l-ITS u ta kontribut importanti lill-industrija tat-turiżmu, Antoine Borg saħaq li l-Oppożizzjoni se tkompli tagħmel xogħolha bil-mistoqsijiet fil-Parlament, bil-laqgħat mal-industrija u tressaq proposti konkreti li jsaħħu l-prodott turistiku mill-aspetti kollha. Dan biex pajjiżna jibqa’ jħares ‘il quddiem b’riżultati nkoraġġanti.
//= $special ?>