Kurżitajiet

L-aħħar moda fis-sbuħija?….. In-naturali!

Mill-Ingilterra sal-Italja u f’diversi pajjiżi oħra tal-UE, il-moda fis-sbuħija qed tinbidel. Minn interventi tal-kirurġija plastika biex wieħed ibiddel fattezzi tal-ġisem, bħall-imnieħer, il-widnejn jew ix-xofftejn, u d-daqs ta’ partijiet oħra bħas-sider jew il-warrani, il-moda fost il-pajjiżi tal-UE tidher li qed iddur lejn is-sbuħija naturali, anke jekk dan ifisser difetti li jidhru jew xi tikmixa fil-wiċċ.

Minbarra t-tibdil fil-moda, taħti wkoll il-kriżi ekonomika li qed tolqot spejjeż li ħafna issa qed iqisu li jistgħu jgħaddu mingħajrhom.

Skont il-British Association of Aesthetic Plastic Surgeons (BAAPS), fl-aħħar sena l-interventi ta’ kirurġija plastika naqsu b’9% waqt li qed jiżdiedu nisa, u irġiel, li snin ilu għamlu xi intervent imma li issa qed jiddispjaċihom.

Ċertu operazzjonijiet raw tnaqqis sostanzjali, fosthom ta’ 23% għal dawk marbuta mat-tkabbir jew tnaqqis tas-sider, ta’ 24% għal tibdil fil-forma tal-imnieħer, ta’ 20% dawk li jikkoreġu d-dehra ta’ widnejhom, waqt li naqsu wkoll l-interventi biex isir lifting tal-eyebrows b’7% u l-interventi fuq il-ħaddejn b’1%.

Skont l-awturi tar-riċerka tal-BAAPS, anke l-irġiel qed inaqqsu l-operazzjonijiet marbuta mas-sbuħija hekk kif fl-aħħar sena, diversi kliniċi rrappurtaw tnaqqis ta’ madwar 15% fil-klijenti rġiel. L-iktar tip ta’ operazzjoni popolari mal-irġiel, dik tal-imnieħer, rat tnaqqis ta’ 30% waqt li naqsu bi 15% l-interventi fuq iż-żaqq u b’10% oħra dawk ta’ tneħħija ta’ xaħam miż-żaqq.

Fl-Italja, personalitajiet bħal Francesca Neri u Alba Parietti ddikkjaraw kemm-il darba li jiddispjaċihom għall-korrezzjonijiet li għamlu f’ġisimhom waqt li anke sptarijiet li joffru operazzjonijiet b’rabta ma’ sbuħija qed jikkonfermaw ix-xejra tal-Ingilterra.

Skont il-BAAPS, il-gosti tas-sbuħija fl-2014 raw tibdil għal iktar dehriet naturali, waqt li d-dinja sportiva bdiet toffri personalitajiet irġiel b’daqna kbira u nisa inqas irranġati.